Il-gazzetta KullĦadd żvelat kif il-kumitat tal-Covid tal-Partit Nazzjonalista kien kumitat finta u gimmick tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hekk kif wara ftit li twaqqaf, ma baqax jiltaqa’.
F’għaxar xhur mindu twaqqaf kumitat magħmul minn politiċi li ried anki jimmina l-awtorità tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, dan il-kumitat ma ressaqx proposta waħda dwar il-pandemija.
Minflok il-membri tal-kumitat Nazzjonalista ppożaw għal ritratt ta’ xi laqgħa li saret iżda aktar minn hekk, dan il-kumitat iżjed ma ltaqax milli ltaqa’.
Waħda mis-suppost membri, it-Tabiba u Deputata Nazzjonalista Maria Deguara kienet imbarazzata għall-aħħar meta qabel seduta Parlamentari aktar kmieni din il-ġimgħa, ġiet mistoqsija minn ONE News dwar il-ħidma ta’ dan it-tim u biex tgħid meta kien l-aħħar darba li dan iltaqa’.
Kif lemħet lill-ġurnalist ta’ ONE News, Maria Deguara li kienet qalet li l-vaċċin mhuwiex is-soluzzjoni, mal-ewwel ippruvat tlebbet ’l hemm u taħrab x’konna se nsaqsuha.
Is-sorsi tal-gazzetta KullĦadd qrib il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qalu li meta l-ġimgħa li għaddiet Bernard Grech sejjaħ għat-twaqqif ta’ task force dwar l-eżitu tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, il-kliem kien spontanju u b’doża ta’ ironija ntqal, “L-iktar jekk tkun bħall-Covid Team, li ssejjaħ għar-ritratti fil-furja tal-mument, imbagħad daqslikieku qatt ma kien xejn.”
Il-KullĦadd kitbet li t-tim finta ta’ Bernard Grech fil-Partit kien mistenni jitmexxa minnu stess, flimkien ma’ ħames membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista; Maria Deguara, Stephen Spiteri, Claudette Buttigieg, Clyde Puli u Claudio Grech.
Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni, dan kien tim li kellu jaħdem mingħajr waqfien biex iħejji “pjan ċar” fil-konfront tal-pandemija tal-COVID-19 iżda meta lil Maria Deguara kontiwament staqsejnieha mistoqsija sempliċi ta’ meta ltaqa’ l-aħħar dan il-kumitat, id-Deputata Nazzjonalista ħallietna bla risposta.