Bosta studenti Maltin u Għawdxin irritornaw fuq il-bank tal-iskola wara kważi seba’ xhur. Ritorn li huwa mistenni minn bosta studenti li issa huma ħerqana sabiex jerġgħu jkomplu l-esperjenza skolastika tagħhom.
L-Erbgħa filgħodu ONE News segwa d-dħul tal-istudenti tas-sitt sena u tal-kinder 2 fl-iskola primarja tas-Siġġiewi u tkellimna ma’ xi studenti li dehru ħerqana sabiex minnufih jerġgħu jiltaqgħu ma’ sħabhom wara xhur ‘il bogħod minn xulxin. Dan għalkemm kienu konxji li issa jridu jżommu d-distanza minn xulxin u jieħdu l-prekawzjonijiet kollha.
Meta mistoqsija: “Kif qed tħossok li ser tibda sena oħra ta’ skola u tiltaqa’ terġa mal-ħbieb?”
Uħud mat-tfal qalulna: “Ferħana u eċitata.” “Kif niltaqgħu lil xulxin ma’ nistgħux ngħannqu lil xulxin minħabba l-Covid.”
“Ferħana hux għax ħa nerġa’ nara l-ħbieb. Six months hux.” Eċitat u qed nieħu pjaċir nerġa’ niltaqa’ mal-ħbieb u hekk. U nieħu pjaċir nistudja u nitgħallem u nilgħab mal-ħbieb.”
“Qed inħossni excited biex nara l-ħbieb u kulħadd, u jiena pereżempju biex nara l-ħbieb, ili ma narahom għal xi eight months jiġifieri nħossni ħafna excited imma ma nistax nagħtihom hugs u hekk.”
Spikka l-mod li bih iddaħħlu l-istudenti l-iskola bil-prekawzjonijiet kollha. Dan hekk kif it-tfal iffurmaw ringiela b’distanza ta’ metru u nofs minn xulxin u ġew iċċekjati t-temperaturi tagħhom wieħed wieħed qabel iddaħħlu l-iskola. Dan filwaqt li l-istudenti ta’ etajiet differenti qed jiddaħħlu l-iskola f’ħinijiet separati.
Żorna wkoll l-iskola primarja tal-Imqabba fejn hemmhekk segwejna studenti tal-kinder 2 deħlin wieħed wieħed. Innotajna wkoll kif għalliema kienet fil-bieb sabiex wara li tiġi ċċekjata t-temperatura taċ-ċkejknin turihom pass pass kif għandhom inaddfu idejhom bis-sanitizer.
Sa nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa, iktar studenti ser ikunu qed jirritornaw l-iskola minn klassijiet differenti hekk kif l-istudenti qed jirritornaw l-iskola b’mod gradwali. L-istudenti li jattendu skejjel tal-Gvern qed jintlaqgħu fi skejjel li huma kollha ċċertifikati minn membri tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li huma konformi mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.