Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech baqa’ sieket quddiem mistoqsijiet dwar il-pressjoni li tefgħalu l-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi biex jekk jitla’ fil-Gvern, ineħħi l-liġi li għaddiet dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, it-Tlieta filgħaxija.
Hu u ħiereġ barra mill-Parlament wara li għaddiet il-liġi, il-ġurnalisti stennewh biex jistaqsuh dwar id-dikjarazzjoni ta’ Lawrence Gonzi, li talab lil Grech biex meta jkun fil-Gvern, ineħħi l-liġi.
Viżibilment skomdu jfittex il-pum tal-biebha tal-karozza biex ilebbet ’l hemm u jaħrab lill-ġurnalisti, Bernard Grech ma weġibx għat-talba ta’ Gonzi.
“Taqbel ma’ Lawrence Gonzi?”
“Iva jien se jkun qed jinterresani u li nara jkolli d-data kollha ħalli nkunu nistgħu nanalizzaw din is-sitwazzjoni.”
Dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Gonzi kitbet ukoll il-gazzetta MaltaToday, li nnutat kif Gonzi jġib lura l-memorji ta’ Partit Nazzjonalista antikwat. Fil-fatt, James Debono semma kif dan kollu ifakkar fil-Partit Nazzjonalista ta’ żmien l-introduzzjoni tad-divorzju u ċ-ċensura.
Il-Maltatoday innutat ukoll l-inkonsistenza ta’ Bernard Grech hekk kif issa ġew ikkonfermati anke mill-Partit Nazzjonalista stess, dikjarazzjonijiet kuntrastanti dwar din il-liġi.
Il-gazzetta tispjega kif il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista mmina l-pożizzjoni ta’ Bernard Grech fuq din il-liġi u influwenza d-deċiżjoni li l-Partit Nazzjonalista joħroġ kontriha.
Dwar din id-dikjarazzjoni minn Lawrence Gonzi, ONE News staqsa wkoll lid-deputat tal-establishment Joe Ellis.
Ellis iddefenda lil Gonzi.
“Lawrence Gonzi huwa ċittadin bħal kull ċittadin ieħor li għandu dritt li jesprimi ruħu.”
Ellis imbagħad iġġustifika wkoll il-pressjoni u l-iddettar li qed jagħmel Gonzi fuq il-Kap Bernard Grech, billi saħaq li Gonzi għandu dritt jinfluwenza.
“Għandu dritt jipprova jinfluwenza l-opinjoni pubblika bħal kull persuna oħra naħseb li ma hemm xejn illeġittimu b’daqsekk.”