Bernard Grech huwa komdu b’Mario De Marco fil-grupp parlamentari tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista qal dawn il-kummenti fi tmiem laqgħa tal-grupp parlamentari urġenti li sejjaħ il-Ħadd filgħaxija.
Minkejja li fi stqarrija uffiċjali l-Partit Nazzjonalista qal li ssejħet laqgħa tal-grupp parlamentari fuq l-iżviluppi li seħħew fil-Qorti s-Sibt filgħaxija, sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li Bernard Grech kien imġiegħel isejjaħ laqgħa urġenti mad-deputati tiegħu wara li l-Ħadd filgħodu qal li jagħti l-maħfra Presidenzjali lis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Barra l-istamperija Bernard Grech ta x’jifhem li hu qed jistrieħ fuq dak li qallu Mario De Marco dwar rabtiet li kellu dan id-deputat Nazzjonalista ma’ Adrian Hillman, eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers li hija responsabbli mill-pubblikazzjoni tal-gazzetta t-Times.
Saħansitra Bernard Grech qal li De Marco spjegalu b’mod korrett.
Skont rapporti, Hillman se jiġi estradit lejn Malta mir-Renju Unit biex jaffaċċja akkużi dwar ħasil ta’ flus u frodi.
Fil-fatt saru numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija tat-Times u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment Adrian Hillman u Keith Schembri.
Dawn l-allegazzjonijiet huma dwar każ ta’ 13-il sena ilu.
Mario De Marco huwa membru fil-Kunsill ta’ Strickland Foundation, ix-shareholder ewlieni tal-kumpanija tat-Times, Allied Newspapers.
Intant il-Partit Nazzjonalista qal li l-grupp parlamentari rringrazzja lill-eks Kap Simon Busuttil.
Dan anki sar wara li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kap Bernard Grech talab biex jiġu rtirati proċeduri li kienu bdew fil-Partit Nazzjonalista kontra Simon Busuttil dwar il-gidba Egrant.
Dakinhar, Simon Busuttil kien irringrazzja lil Grech tal-ġest li għamel miegħu.