Bernard Grech segwa u obda l-ordnijiet tal-għaqda Repubblika u rema’ lill-alleat t’Adrian Delia, André Grech wara li dan irriżenja mill-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li Bernard Grech stess naqas illi jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Therese Comodini Cachia, li ħarġet tattakka lil Adrian Delia fuq kawża ta’ libell li fetaħ kontra l-Lovin Malta.
Meta kien mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News għaliex qed jitilquh daqstant nies mill-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qalilna li min bħal André Grech telaq mill-Partit, ma jridx jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna.
Colin Deguara: “Din il-ġimgħa telaq André Grech. Għaliex qed jitilquk daqstant nies fil-Partit Nazzjonalista?”
Bernard Grech: “Min irid jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna jista’ jibqa’.”
Ir-riżenja ta’ André Grech wasslet f’xahar fejn il-Partit Nazzjonalista qed isofri minn emoraġija interna ta’ membri u kandidati.
Dan hekk kif fl-istess xahar rriżenjat Roselyn Borg Knight filwaqt li Hermann Schiavone wkoll ħabbar li mhux ser ikun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Mal-Lovin Malta, André Grech kien stqarr li hu ma jistax jibqa’ jagħmel parti minn Partit li fih tirrenja l-mibegħda iżda affaċjat b’din id-dikjarazzjoni, Bernard Grech ma weġibx, bil-mistoqsija tkun segwita biss bit-tisbit tal-bibien tal-karozza.
Colin Deguara: “Qallek Party of Haters. Vera qed tmexxi partit tal-mibegħda?”
Bernard Grech: “Grazzi, insellimlek.”