Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech staqsa għalfejn il-vouchers tal-€100 għadhom ma ħarġux.
Bernard Grech kien qed ikun mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News u f’mument minnhom talab lil Gvern jagħti r-raġuni għalfejn il-vouchers għadhom ma ħarġux.
Hu qal,“U anki fejn jidħlu propju l-vouchers, il-Gvern jgħidilna eżattament x’inhi r-raġuni għalfejn għadu ma ħariġx il-vouchers, grazzi.”
Ix-xahar li għadda, il-Gvern kien qal li qed jikkonsulta mal-awtoritajiet tas-saħħa u l-partijiet involuti sabiex it-tieni rawnd tal-vouchers tal-€100 joħorġu meta minnhom nistgħu nieħdu l-aqwa benefiċċju.
Il-Gvern kien qal li huwa tal-fehma li l-vouchers tal-mitt ewro għandhom jinħarġu wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati.
“L-intenzjoni wara l-inizjattiva tal-vouchers hija propju biex tistimola l-ekonomija b’injezzjoni ta’ aktar minn €45 miljun billi tiġġenera aktar xogħol lin-negozji, filwaqt li sservi bħala inċentiv għall-poplu biex jgawdi kwalità ta’ ħajja aħjar”, kien sostna l-Gvern li saħaq li l-ħruġ tal-vouchers se jkun implimentat ladarba jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni.
Dan anke meta jkun possibbli li l-bars u l-każini jistgħu jiftħu wkoll, biex anke huma jkunu jistgħu jgawdu minn din l-inizjattiva fiskali intiża biex iddawwar ir-rota għal kulħadd.
Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ kien mistoqsi dwar kemm jiswa l-inċentiv li semma biex in-nies jixtru s-sufanijiet u l-kmamar tal-banju iżda għal darb’oħra ma riedx jgħid kemm jiswa dan l-inċentiv.
Meta kien mistoqsi: “M’għandekx costings Dr Grech?”
Bernard Grech wieġeb: “Inti taf illi fl-aħħar mill-aħħar.”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Mhiex irresponsabbli tipproponi u ma tafx kemm tiswa?”
Bernard Grech tenna: “Next. Jekk jidhirlek illi d-domanda, trid tħalli r-risposta ssir.”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News saħaq: “Għax mhux tweġibni.”
Bernard Grech qal, “Basic education.”
Colin Deguara sostna: : “Imma mhux tweġibni.”
Bernard Grech kompla jgħid: “Tridha r-risposta? Ħa ntik l-aħħar opportunità ħalli ovvjament inkun nista’ nwieġbek.”
Il-Ġurnalist saħaq: “Irrid ir-risposta għall-mistoqsija.”
Bernard Grech sostna: “Għandek dritt tagħmel id-domandi u jien għandi dritt li nwieġbek kif inħoss illi huwa l-aħjar.”
Meta mbagħad kien magħfus iżjed, mat-tielet attentat, baqa’ ma qalx il-kalkoli tal-ispiża u dlonk ħarab bl-istil ta’ Simon Busuttil.
Meta kien mistoqsi: “Dr Grech inkun korrett jekk ngħid li tiġi tiswa kieku hux hekk?”
Bernard Grech qal, “Grazzi ħafna.”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News tenna: “Ma tafx kemm tiġi tiswa proposta bħal dik jiġifieri.”
Grech tenna: “Jien naf kemm għandkom Gvern mimli korruzzjoni.”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News sostna: “Ma tweġibx il-mistoqsija għal darb’oħra.”