It-Tnejn filgħaxija wara li lesta mill-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ mill-bieb ta’ quddiem il-Parlament li normalment ma joħroġx minnu u spiċċa quddiem tar-Repubblika u l-Occupy Justice fejn intlaqa’ minn ċapċip.
Bernard Grech, li kien il-persuna mbuttat mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex isir Kap Nazzjonalista, għadda minn nofshom fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti u hu sellmilhom.
Mhux l-istess għamel l-eks Kap Adrian Delia li dwaru, Bernard Grech qed jaffaċċja pressjoni minn Manuel Delia u esponenti oħra tal-establishment biex iqaċċtu għalkollox mill-Partit Nazzjonalista.
Ta’ Manuel Delia appellaw għall-ġabra u ntefgħu jiġbru l-flus bil-kopp.
Għal dak li organizzaw l-għaqda Repubblika u l-Occupy Justice spikkaw l-uċuħ ta’ nies qrib ferm il-fazzjoni Busuttil fosthom ħu Beppe Fenech Adami, li sas-siġġijiet li ntużaw kellu f’idu u qagħad jgħoddhom biex jagħmel ċert li ġabarhom kollha.