Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech spiċċa kkoreġġut mill-gazzetta The Times b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet li għamel fil-Parlament b’rabta mal-popolazzjoni f’pajjiżna.
Dikjarazzjonijiet li Grech jagħmilhom b’riżultat tal-politika popolista li jmexxi l-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, kien waqt diskors fid-diskussjoni tal-estimi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li l-Kap Nazzjonalista, minbarra li nfexx f’diskors negattiv u li fih ipprova jikkrea sens ta’ paniku u biża lejn il-ħaddiema barranin, kompla jqarraq bin-numri.
F’punt minnhom fid-diskors Grech qal hekk dwar il-popolazzjoni f’pajjiżna.
“Kibret li bejn l-2013 u sa llum kważi rduppjat.”
Bernard Grech
Iżda hekk kif il-gazzetta the Times, iddedikat il-paġna tagħha tal-Fact-Check, li tivverifika jekk l-aħbarijiet humiex veri jew le, ħareġ li Grech hawn kien qed iqarraq.
Fil-fatt, il-gazzetta The Times kwotat statistika uffiċjali li toħroġ mill-aktar ċensiment riċenti li sar, fejn fil-fatt turi biċ-ċar li fl-aħħar 10 snin il-popolazzjoni kibret b’24%, hekk kif minn 417,432 persuna fl-2011, din telgħet għal 519,562 għaxar snin wara.
Ċifra ferm il-bogħod mid-doppju li sostna Bernard Grech.
Hawn it-Times tkompli tgħid kif jekk wieħed irid isostni li l-popolazzjoni f’pajjiżna rduppjat, irid imur lura għaċ-ċensiment li sar fl-1931. Dak iż-żmien il-popolazzjoni f’pajjiżna kienet ta’ 241,621 persuna.
Fid-dagħdija tiegħu biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ abbilita numerika tiegħu, il-Kap tal-Opposizzjoni imbagħad infexx f’attakk kontra l-istatistika uffiċjali.
“L-istatistika tal-Gvern taħbi l-veru ċifra tal-popolazzjoni f’pajjiżna.”
Bernard Grech
Hawn ukoll it-Times, tmeri lil Grech hekk kif issostni li uffiċċji tal-istatistika minn madwar id-dinja, bl-NSO inkluż fi ħdanhom mhux biss joqgħodu fuq statistiċi passati iżda saħansitra jmorru lura u jirrevedu dawn l-istess statistiċi għal riżultat aktar eżatt.
Anke jekk dawn ir-reviżjonijiet ħafna drabi jkunu żgħar ħafna u li ma jaffetwawx ir-riżultat aħħari.
Dan apparti li jridu jsegwu standards u metodi Ewropej stretti b’rabta mal-kollezzjoni ta’ informazzjoni fosthom dwar il-popolazzjoni. Dan ifisser li l-NSO ma tistax tqarraq jew tagħżel hi kif tiġbor l-informazzjoni b’rabta mal-popolazzjoni f’pajjiżna.
Hawn ukoll it-Times tirreferi għall-aħħar review li sar lill-NSO mis-Sistema tal-Istatistika Ewropea u li fih kisbet riżultati eċċellenti. Għalhekk it-Times tgħid li hawnhekk ukoll l-evidenza b’mod ċar tarmi d-dikjarazzjoni ta’ Grech.