Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilmenta għall-penali li trid tħallas skont il-liġi meta tonqos tonora l-obbligi tat-taxxa. Meta maqbud fuq sieq waħda hekk kif il-Ħadd kien Għawdex jikkanvasja fit-tellieqa ħarxa għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Grech mill-bidu deher skomdu u nstaram hekk kif ra lil ONE News ġejjin bil-mistoqsijiet skomdi mmens għalih.
Wara li kien naqas iħallas eluf kbar ta’ ewro f’kontijiet tat-taxxa, liema kontijiet hemm minnhom li saħansitra jmorru lura għal disa’ snin ilu, Grech beda jilgħabha tal-vittma u saħaq li hu mġarrab.
“Li meta d-dipartiment inti tonqos li tħallas it-taxxa, inti jagħmillek ovvjament il-penali u anki l-imgħax. Sfortunatament dawn il-penali huma aspissjanti, ikunu kwantitajiet kbar u min qed jismgħani, nispera li ġġibuha din il-parti wkoll, ibati minnha din u fil-fatt din irridu nħarsu lejha wkoll fil-futur jekk k’Alla jrid għaliex jien ġarrabtha u nixtieq lin-nies ma jġarbuhiex bl-istess mod għaliex dawn it-tip ta’ penali u imgħaxijiet eżorbitanti jkissru lin-nies.”
Bernard Grech li warajh hemm il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li tant tippriedka fuq it-trasparenza u l-kontabbilità kellu miegħu Għawdex, id-deputati Nazzjonalisti Chris Said u Kevin Cutajar. Mistoqsi dwar mis-appropjazzjoni tal-VAT wara li wkoll kien naqas li jħallas f’eluf kbar t’ewro f’VAT, Bernard Grech dar mal-lewża dwar jekk dan hux reat kriminali.
Meta staqsejnih dirett jekk li jiġbor il-flus m’għand in-nies u ma jħallasx il-VAT hux reat kriminali, qal biss li issa m’hemmx proċeduri kontrih.
“Pero inti kont qed tiġbor ukoll, kont qed tiġbor is-sommom m’għand il-klijenti biex tħallas il-VAT u lanqas dik ma kont qed tħallas. Dan huwa reat kriminali mhux hekk?”
“Pero imbagħad jien għażilt illi nċedi dan id-dritt fil-fatt ħallast l-ammonti kollha.” “Mis-appropjazzjoni tal-VAT mhux reat kriminali?” “Jekk huwiex reat kriminali, m’hemm l-ebda proċeduri kirminali kontrija.”
Konxju tal-pressjoni li dejjem qed tkompli tikber fid-dawl tal-mistoqijiet kbar li hemm fuq rasu, Bernard Grech kompla jirrispondi li hu mhux kriminal anke jekk l-evażjoni tat-taxxa huwa meqjus bħala reat kriminali.
“Il-klijenti tiegħek kienu qed javdawk bis-somma tal-VAT biex tħallasha u inti din ma ħallastiex kif taħseb li n-nies issa se jkunu qegħdin jafdawk biex fl-aħħar mill-aħħar tmexxi l-finanzi tal-pajjiż?
Mela żgur in-nies jafdawni għax jien lanqas jien kriminal.”
Il-pressjoni fuq Bernard Grech u d-dikjarazzjonijiet tad-dħul tiegħu kompliet tiżdied hekk kif stħarriġ mill-gazzetta t-Torċa u li sar flimkien ma’ esperti u aġenziji indipendenti qamu mistoqsijiet kbar. Fost oħrajn dan l-istħarriġ wera diskrepanzi bejn dak li ddikjara Grech fl-elfejn u dsatax meta mqabbel ma’ salarji li jagħmlu avukati bl-istess esperjenza tiegħu. Is-sena l-oħra Grech iddikjara dħul ta’ kważi disgħa u għoxrin elf ewro madankollu fil-verità avukat bl-esperjenza ta’ Grech jaqla’ sa massimu ta’ sebgħin elf ewro fis-sena.
Intant meta affaċċjat b’iktar mistoqsijiet Bernard Grech beża’ jwieġeb aktar u ħarab jiġri ‘l bogħod minn ONE News għaliex qal li għandu xi appuntamenti. “Naħseb għandi dritt insaqsik.” “Weġibtek, grazzi għax għandi appuntament oħrajn ta’….Għandna l-appuntamenti tal-Home visits, weġibtlek id-domandi kollha nirringrazzjak. “Wettaqt ir-responabbiltajiet kollha. Mhux fuq hekk qed insaqsik. Mhux fuq hekk qed insaqsik. Grazzi no further questions. Grazzi.”