Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ikkonferma li gideb meta qal li kien ippubblika l-kontijiet finanzjarji u r-rapport tad-donazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, skont kif titlob il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Filwaqt li ma kienx hemm dubju li Grech gideb, għax il-kontijiet finanzjarji u r-rapport tad-donazzjonijiet tal-aħħar sentejn, jiġifieri dawk tal-2021 u tal-2022 tal-Partit Nazzjonalista ma ssibhomx ippubblikati fuq is-sit tal-Kummissjoni Elettorali, issa Bernard Grech innifsu kien kostrett jammetti li gideb.
Issa biddel id-diska u qal li għadhom se jiġu ppubblikati.
“Fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nippreżentaw l-istess accounts.”
Bernard Grech
Sa ftit tal-ġimgħat biss ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li dak, li issa qed jgħid li se jippubblika, kien diġà ppubblikat.
Ġurnalist: “Xi trasparenza hi? Inti tgħid ħafna fuq it-trasparenza.
“Ġew ippubblikati, ġew ippubblikati.”
Ġurnalist: “Tal-2021 ukoll? Tal-2022? Mhumiex ta.”
Bernard Grech waqt intervista minn ġurnalist ta’ ONE fil-festi tal-Indipendenza
Rapporti mill-gazzetti tal-Ħadd, partikolarment it-Times u l-Illum, komplew jikxfu kif il-Partit Nazzjonalista għadu ma ppubblikax ir-rapporti dwar il-kontijiet tiegħu jew id-donazzjonijiet li rċieva, għall-aħħar sentejn, jiġifieri kemm ilu Kap, Bernard Grech.
Issa li Bernard Grech ikkonferma l-gidba tiegħu stess, ġab skuża bin-nies tal-Partit tiegħu stess, għax naqsu li jissottomettu fil-ħin il-kontijiet finanzjarji u r-rapport tad-donazzjonijiet.
“Dan ma sarx biss minħabba personnel meħtieġ.”
Bernard Grech
Skont il-Liġi, il-partiti politiċi huma obbligati jippubblikaw żewġ rapporti separati. Wieħed minnhom hu dwar min ikun ta d-donazzjonijiet, filwaqt li donazzjonijiet ta’ ċerti ammonti jridu jkunu ddikjarati mingħand min ġew.
Fil-każ tal-kontijiet awditjati, il-partiti jridu jagħtu rendikont tal-finanzi tagħhom tul is-sena li tkun għaddiet.
Hekk kif ninsabu fit-tielet kwart tas-sena, ir-rapporti fiż-żewġ każi suppost kienu sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali u ppubblikati. Fil-każ tal-Partit Nazzjonalista, dawn għadhom mhumiex hemm.
Fil-fatt, l-Illum qalet li skont tagħrif li għandha, f’dan l-istadju, lanqas ġew sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali.
Dan ifisser ukoll li, għalhekk, pubblikament għad mhemmx rendikont tal-ewwel sentejn sħaħ tat-tmexxija ta’ Bernard Grech, bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, tant li l-aħħar kontijiet ippubblikati huma tal-elfejn u għoxrin – is-sena li fiha, f’Ottubru, Bernard Grech inħatar Kap.