Fl-intervista li għamel mal-ġurnalist ta’ ONE News Samuel Lucas, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech inqabad jigdeb dwar il-prezzijiet tal-fjuwils li sab waqt li kien qed iterraq bil-karavan tiegħu ftit tal-ġimgħat ilu.
Dan hekk kif qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalist intiżi biex minnhom jislet pajjiżi bi prezzijiet orħos tal-fjuwils minn pajjiżna.
Iffaċċjat b’din il-mistoqsija, il-Kap Nazzjonalista qatta’ l-isbaħ parti ta’ ħames minuti jdur mal-lewża u jwieġeb fuq kollox barra l-mistoqsija.
Tattika sinonima mal-Kap Nazzjonalista meta jkun maqbud ma jafx x’ħa jwieġeb.
Ġurnalist: “Waqt li int kont qed iddur bil-karavan barra minn xtutna, pereżempju, kif kienu jitqabblu l-prezzijiet tal-fuels ma’ ta’ pajjiż.”
Bernard Grech: “Ħa ngħidlek, mela ħa ngħidlek, sewwa, sewwa, domanda vera intelliġenti, però ppermettili..
Ġurnalist: “Imma trid tweġibni hux, ħa ddur terġa’ issa wkoll?”
Bernard Grech: “Ħa nwieġbek, ħa nwieġbek ukoll. Il-prezzijiet tal-fuels, il-prezzijiet tal-fuel. Il-prezzijiet tal-fuel ġewwa l-pajjiżi l-oħrajn Ewropej li jiena mort fihom, kien hemm prezzijiet varji.”
Iżda meta ppressat aktar biex isemmi pajjiżi bi prezzijiet tal-fuels orħos minn pajjiżna, Bernard Grech flok jammetti s-sewwa magħruf, irrikorra għal gidba sfaċċata.
Dan hekk kif sostna li sab li l-Lussemburgu għandu prezz tal-fuels orħos minn Malta.
Benard Grech: “Jiena ħadt il-fjuwil, jiena ħadt il-fjuwil.”
Ġurnalist: “Iva imma sibt xi pajjiż irħas minn Malta?”
Bernard Grech: “Iva, il-Lussemburgu.”
Madankollu, skont statistika tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata kull ġimgħa, jirriżulta li l-prezz tad-diżil fil-Lussemburgu ilu aktar għoli minn dak f’Malta sa mill-21 ta’ Ġunju 2021, mentri dak tal-petrol ilu aktar għoli minn dak f’pajjiżna mit-12 ta’ Lulju 2021.
Fil-mument li Bernard Grech gideb mal-ġurnalist ta’ ONE News, il-prezz tal-petrol fil-Lussemburgu kien €1.64ċ kull litru, filwaqt li d-diesel kien €1.62ċ kull litru.
Meta mqabblin ma’ Malta, il-prezzijiet tad-petrol u d-diesel kienu 30 ċenteżmu u 42 ċenteżmu ogħla rispettivament.
Jirriżulta wkoll li, bejn it-tmiem ta’ Awwissu u l-bidu ta’ Settembru, il-prezz tad-diesel kien bejn €1.62ċ kull litru, mentri dak tal-petrol kien €1.66ċ fil-litru. Ifisser li d-diesel kien xi 41ċ aktar għoli minn Malta, differenza ta’ terz fil-prezz, mentri l-petrol kien jiswa xi 32ċ, jew 20%, aktar minn pajjiżna.
Mentri kemm ilu Prim Ministru Dr Robert Abela d-diesel u l-petrol raħsu b’7ċ fil-litru f’Malta, fil-Lussemburgu kien hemm żieda ta’ 44ċ fil-prezz tad-diesel u ta’ 40ċ fil-petrol.