Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li m’hemm l-ebda tip t’azzjoni li għandu jieħu dwar Jason Azzopardi.
Dan wara li fil-jiem li għaddew ONE News żvela li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma ddikjarax id-dħul għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa għal numru ta’ snin.
Ilbieraħ il-gazzetta KullĦadd żvelat ukoll li Jason Azzopardi naqas milli jiddikjara x’jaqla għal tliet snin konsekuttivi fl-aħħar ħames snin.
Dan skont it-tagħrif li ta l-Ispeaker, meta kien mitlub mill-editur ta’ ONE News, biex skont il-liġi tintbagħat kopja tat-tax returns ta’ Jason Azzopardi, ħareġ li Jason Azzopardi ma ddikjarax x’qala’ għall-2016, għall-2017 u għall-2018.
Mistoqsi llum minn ONE News dwar in-nuqqasijiet fiskali ta’ Jason Azzopardi, Bernard Grech reġa’ iddefenda lil Jason Azzopardi, din id-darba mhux fuq il-kamra lussuża fl-Iżrael li tħallsitlu mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, iżda dwar li ma ddikjarax x’jaqla’ għal tliet snin konsekuttivi.
Bosta qed jinnutaw kif Jason Azzopardi huwa konxju li l-Kap Bernard Grech għandu jdejh marbuta u m’għandu l-ebda awtorità fuq id-deputat Nazzjonalista, hekk kif il-Kap għamel snin ma jħallasx eluf ta’ ewro f’taxxa.