Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għal darb’oħra sostna li kieku kien Prim Ministru, huwa kien jagħti l-maħfra lill-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Grech qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali meta kien mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni li għamel ftit tal-jiem ilu.
Fl-istess nifs li qal li huwa jirrispetta lill-famija ta’ Daphne Caruana Galizia huwa qal hekk:
“L-ewwel ħaġa jien nirrispetta l-opinjoni tal-familja Caruana Galizia. Ma’ Yorgen Fenech għandna nagħtu biex aħna noħorġu l-verità kollha.”
Tul l-intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jattakka l-istituzzjonijiet.
Meta kien kien mistoqsi: “Mertu lil dan il-Gvern ma ttih xejn li dawn tressqu s-Sibt?”
Grech wieġeb: “Lanqas xejn.”
Imbagħad saħaq li ma jiħux gost li n-nies qed jitressqu l-Qorti biex jaffaċċjaw akkużi wara proċess ta’ investigazzjoni mill-pulizija u Maġistrat inkwirenti.
Huwa stqarr: “Għax aħna ma niħdux pjaċir għax jitressqu nies il-Qorti.”
Quddiem żviluppi fil-Qorti fejn tressqu anki nies mixlija bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech deherlu li jgħid hekk: “Inti tista’ tagħmel li trid għaliex f’dan u ma’ dan il-Gvern ma tinqabadx.”
Meta kien mistoqsi b’rabta ma’ nuqqasijiet fuq id-deputati tiegħu stess bħal Jason Azzopardi, li ġie żvelat li naqas milli jiddikjara d-dħul tiegħu għal ħlas tat-taxxa u anki dwar il-mistoqsijiet li qamu fuq Mario De Marco u r-rabtiet tiegħu ma’ Adrian Hillman tat-Times, Bernard Grech qal li huwa ma jiddefendix b’mod kategoriku.
Bernard Grech sostna: “Staqsejt u tlabt spjegazzjonijiet u allura jiena meta nitkellem ma nitkellimx billi niddefendi b’mod mill-aktar kategoriku. “
Madankollu l-istess Bernard Grech b’mod kategoriku nhar il-Ħadd iddefenda lil De Marco u qal li l-każ ta’ Jason Azzopardi huwa każ magħluq.
Dan għaliex meta staqsejnieh: “Jiġifieri ħa tibqa’ ma tiħux azzjoni? Timxi b’riga differenti mad-deputati tiegħek?”
Bernard Grech saħaq: “Case closed, case closed.”
Tul l-intervista Bernard Grech ġie mistoqsi wkoll dwar il-pandemija f’pajjiżna u l-ħidma tal-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa dwarha.
Quddiem ċifra t’aktar minn mija u sebgħin elf doża tal-vaċċin, Bernard Grech ma’ Saviour Balzan kien kostrett li issa jgħid hekk: “Bħalissa kuntent.”
Madankollu dan ix-xahar stess, Bernard Grech qal litteralment bil-kontra.
Huwa kien qal, “Aħna qegħdin inpoġġu fuq pultruna ntellgħu sieq fuq sieq u ngħidu ara kemm aħna bravi u nieqfu hemm. Il-mument li nieqfu jfisser li bdejna mmorru lura. Le m’iniex kuntent.”
Qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem qal li l-vaċċin kien importanti.
Huwa sostna: “Sa issa l-parir li għandna huwa li dan huwa effett l-ewwel ħaġa tal-vaċċin, kif aħna dejjem għidna li l-vaċċin huwa importanti.”
Dikjarazzjoni kuntrastanti oħra tal-Oppożizzjoni li sa ftit ilu kompliet titfa’ d-dubji fuq il-vaċċin għall-Covid-19.
Id-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara kienet qalet li “Il-vaċċin mhuwiex is-soluzzjoni.”
Filwaqt li d-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg kienet stqarret: “Għax il-vaċċin mhuwiex kollox. Huwa pass importanti ħafna imma mhuwiex is-soluzzjoni.”
Lejn l-aħħar tal-programm, Bernard Grech spiċċa jitkellem dwar l-elezzjoni.
Huwa stqarr: “Aħna nixtiequ li mmorru għall-elezzjoni ta’ pajjiżna meta suppost tissejjaħ.”
Din id-dikjarazzjoni fakkret lil bosta f’dak li kien qal ftit tal-ġimgħat ilu f’Għawdex.
Dakinhar Bernard Grech kien qal, “Aħna rridu li mill-aktar fis possibli noħorġu minn din il-pandemija ħalli mmorru għall-elezzjoni.”