Tliet ijiem
Daqsekk ħa żmien il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sabiex jibdel ta’ taħt fuq il-pożizzjoni tiegħu fuq l-abort.
Il-Ġimgħa filgħaxija waqt il-programm online Xarabank, Bernard Grech kien affaċċjat b’sensiela ta’ mistoqsijiet dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq l-abort.
Waħda minnhom kienet dwar il-vot tiegħu fil-Parlament jekk f’referendum il-poplu jagħżel favur l-abort.
Meta kien mistoqsi: “Inti ddikjarajt ukoll li kontra l-abort. Issa jekk isir referendum u l-maġġoranza tivvota favur l-abort, inti fil-Parlament kif tivvota?”
Grech qal: “Ma nistgħux ninjoraw dak li jgħidu n-nies fir-Referendum.”
Qal li d-demokrazija trid tingħata l-piż meħtieġ: “Ir-referendum irridu nifhmu li huwa għodda demokratika b’saħħitha fuq issue partikolari u dik l-għodda rridu nagħtuha l-piż meħtieġ inkella għalfejn qegħda fil-liġi?”
Il-Ġimgħa filgħaxija, il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil sostna wkoll li jekk ikun Prim Ministru għandu l-obbligu li jimxi ma’ dak li jkun irid il-poplu Malti.
Grech sostna: “Jekk imbagħad inkun Prim Ministru, naħseb anzi jien konvint u li għandi obbligu li nimxi mad-deċiżjoni li jkun tal-poplu Malti.”
Din il-pożizzjoni ta’ Bernard Grech madankollu damet mill-Milied sa San Stiefnu hekk kif it-Tnejn wara nofsinhar, waqt stedina għal intervista fuq programm differenti, Grech daqq diska ferm differenti.
Għal kuntrarju ta’ dak li qal il-Ġimgħa filgħaxija, fejn qal li għandu obbligu jimxi mad-deċiżjoni tal-poplu, it-Tnejn wara nofsinhar Bernard Grech qal li jekk il-poplu jiddeċiedi favur l-abort waqt li jkun Prim Ministru, huwa jirriżenja.
Grech kompla jgħid: “Jekk jekk, għax dawn ħafna jekkijiet imma jekkijiet imma lest li nweġibha wkoll, inkun Prim Ministru m’għandix problema. Jekk jgħaddi r-referendum dwar l-abort u jkun ‘iva’ u din hija xi ħaġa remota ħafna jiena lest li dak il-ħin anke nirriżenja.”
Anki jekk tliet ijiem biss qabel kien saħaq li referendum huwa għodda demokratika b’saħħitha li trid tingħata l-piż meħtieġ wara qal li lest jaħdem kontra d-deċiżjoni li jkun għażel il-poplu f’referendum.
Grech saħaq: “Jekk ikun hemm xi ħadd li qed jaħdem biex isir referendum tal-abort, jien inkun qed naħdem u dan bil-provi għax diġà għamiltu fil-passat biex dak ir-referendum ma jgħaddix. Jekk ir-referendum jgħaddi jien se nkun qiegħed naħdem biex xorta waħda dak li nemmnu bħala partit dak li nemmen bħala persuna, allura hemmhekk inkun xorta nista’ jien bħala politiku jekk inkun politiku niggarantih jekk inkun fil-Parlament.”
Din mhux l-ewwel darba li l-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista biddel l-pożizzjoni tiegħu fuq kwistjonijiet ta’ portata nazzjonali
Sa ftit jiem ilu Bernard Grech ammetta wkoll li biddel il-pożizzjoni tiegħu fuq id-divorzju minkejja li kkampanja b’saħħa għaliha disa’ snin ilu.
Grech saħansitra qal li hu dak iż żmien ma kienx kontra d-divorzju.