Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jispirah.
Huwa qal dan waqt l-aħħar attività politika tal-Partit Nazzjonalista marbuta mal-festa tal-Indipendenza u li saret fi pjazza Tritoni fil-Belt Valletta.
Quddiem numru ta’ persuni li attendew sabiex jisimgħu id-diskorsi tal-okkażjoni, primarjament wara li l-Partit Nazzjonalista stess imbotta aktar id-diskors ta’ Roberta Metsola, minn dak tal-Kap tiegħu, il-Kap Bernard Grech għażel li jitkellem fuq il-passat.
Fl-indirizz tiegħu, Grech, filwaqt li sellem lill-kapijiet ta’ qablu, inkluż lil Adrian Delia, li l-klikka li poġġietu fit-tmun tal-Partit qaċtitu minn kap, faħħar lill-establishment Nazzjonalista.
Dan billi sostna kif il-figura ewlenija tiegħu, jiġifieri Simon Busuttil, jispirah.
Qal, “Simon Busuttil jibqa’ jispirani.”
Intant, indirizzat din l-attività politika, Roberta Metsola. L-istess Metsola li anke siti awtorevoli fl-aħħar jiem innutaw in-nuqqas konvenjenti tagħha milli tattendi għall-attivitajiet li saru b’rabta mal-Europride Valletta 2023. Dan minkejja li tgħid li hi alleata tal-komunità LGBTIQ+.
Fid-diskors tagħha Metsola qalet li hi u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa, qegħdin iwettqu ħafna.
Qalet, “David Casa u jiena qed inwettqu ħafna.”
Din id-dikjarazzjoni minn Metsola waslet wara li sikwit jiġi nnutat mill-midja lokali u internazzjonali, li dawn it-tnejn jadħmu qatigħ kontra pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Fid-diskors tagħha, Metsola u l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech rringrazzjaw ukoll lil xulxin. Dan minkejja li huwa sigriet magħruf ġewwa d-Dar Ċentrali, li t-tnejn qed jużaw lil xulxin għall-iskopijiet politiċi indiviwali tagħhom.
Roberta Metsola: “Grazzi lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tal-istedina li għamilli.”
Bernard Grech: “Grazzi Roberta.”
Fil-fatt, filwaqt li ħareġ evidenti kemm dawn id-dikjarazzjonijiet saru b’mod kkalkulat, it-tnejn ma jitilfux ċans biex jagħtu l-gambetti lil xulxin, anke waqt intervisti pubbliċi.
Quddiem numru ta’ partitarji Nazzjonalisti li attendew għal din l-attività politika, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla bis-soltu dikjarazzjonijiet imqanqla tiegħu.
Qal, “Gvern ġdid Nazzjonalista.”
Qal ukoll, “Il-Partit Nazzjonalista se jkun hawn fil-Gvern għalikom.”
Saħansitra l-attakki u l-ostilità fid-diskorsi ta’ Grech u Metsola, kull ma jmur aktar bdew joħorġu biċ-ċar.
Roberta Metsola: “Aħna neqfulu u naraw.”
Bernard Grech: “Qumu ma min diġà qam.”
Bernard Grech: “Dan hu ħbieb tiegħi, il-Partit Nazzjonalista.”
Ma naqasx ukoll l-għajjat tas-soltu li kull darba jiddomina d-diskors tal-Kap Nazzjonalista.
Qal, “Nazzjonalisti.”
Tenna, “Fejn hu l-Partit Nazzjonalista? Hawn hu l-Partit Nazzjonalista.”