Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li f’dan iż-żmien ta’ sfida, pajjiżna għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech qal dan waqt attività politika ta’ kull nhar ta’ Ħadd f’diskors mimli għajjat u negattività. Karatteristiċi li saru ewlenin f’kull diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Grech stqarr: “Dan il-pajjiż, illum għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista.”
Qal li dak li sar f’Malta huwa bil-ħila tal-Partit Nazzjonalistap: “Ħarsu madwarkhom, araw x’inhuma r-riżultati. Dan kollu li qed taraw sar bil-ħila tal-Partit Nazzjonalista.”
Minkejja l-islogan “Paġna Ġdida Għal Pajjiżna” fl-isfond, Bernard Grech mar lura fiż-żmien u qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistħix bil-passat tiegħu. Dan minkejja li fi żmien Gvern Nazzjonalista pajjiżna spiċċa bi proċedura ta’ defiċit eċċessiv bi djun kbar iservu ta’ mażra mal-ekonomija u l-familji Maltin u Għawdxin.
Grech sostna: “Aħna ma nistħux mill-passat, anzi aħna kburin bil-passat.”
Konxju tal-fatt li esponenti ewlenin bħal Jason Azzopardi, David Casa u Roberta Metsola għamlu ħsara kemm felħu lill-pajjiżna barra minn Malta, issa Bernard Grech irid imur mal-Gvern barra minn xtutna.
Hu tenna: “B’mod konkret qed ngħinu lill-Gvern biex kull fejn irid immorru miegħu anke barra minn xtutna biex nitkellmu ħalli nuru li dan il-pajjiż nistgħu nimxu ‘l quddiem.”
Intant id-dagħdigħa negattiva ta’ Grech tul id-diskors ma waqfitx.
Grech saħaq: “Konna neżlin ‘l isfel u bqajna neżlin ‘l isfel.”
Qal ukoll li Gvern Laburista li ġab lil Malta minn ta’ quddiem fid-dinja kollha fil-ġlieda kontra l-pandemija, għejja u l-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet.
Hu kompla jgħid: “Dan huwa Gvern li huwa mingħajr viżjoni. Din hija r-realtà, Gvern li għejja. Sfortunatament qed nirrealizzaw li issa għandna konferma anke li dan il-Gvern huwa Gvern li tilef ir-ruħ soċjali wkoll. Għaliex iva aħna għandna is-soluzzjonijiet.”
Imbagħad hu li kien qal li jistħi jgħid li hu Malti, lill-Prim Ministru talbu jkun inqas kbur: “Jiena nitolbok, kun inqas kburi.”
Bernard Grech kritika anki l-miżuri bilanċjati li ħabbar il-Prim Ministru għal Frar biex pajjiżna jibqa’ jrażżan l-imxija.
Iżda ftit wara dar mar-riħ bħal pinnur.
Hu qal, “L-għada ħarġu regoli li r-ristoranti tagħna curfew sal-11:00pm. Jekk ħa jagħmel miżura u din il-miżura aħna naqblu magħha.”
Bernard Grech qal ukoll li l-kumitati u l-fergħat tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jiltaqgħu u jħabbtu l-ideat. Dikjarazzjoni li tikkuntrasta ferm mal-kriżi li kellu l-istess partit fl-aħħar jiem fejn diversi kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Sezzjonali rriżenjaw wara manuvri biex jitilgħu ta’ Bernard Grech.
Riżenji li saħansitra kiteb fuqhom l-Eks Kap Adrian Delia l-Ġimgħa filgħaxija hekk kif għadda messaġġ iebes lit-tmexxija preżenti għal mod ta’ kif ġew trattati ċertu Nazzjonalisti.
Grech tenna: “Dan hu partit li għandu diversi għaqdiet fih, diversi gruppi, diversi kumitati, diversi fergħat, diversi persuni kapaċi li qegħdin jiltaqgħu.”
Imbagħad Bernard Grech irringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-istazzjon tiegħu għaliex mingħajrhom ma jkunx jista’ jidher.
Hu saħaq: “Mingħajrhom la ninstema’ nitkellem, la nista’ nidher.”