Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li r-roadmap ekonomika ta’ Gvern Laburista sa mill-2013 ma wasslet għal imkien. Dan qalu waqt tnedija ta’ dokument tal-Partit Nazzjonalista qabel il-Gvern iressaq il-budget għas-sena d-dieħla.
F’diskors li għamel quddiem l-imsieħba soċjali kritika lil Gvern Laburista m’għamel xejn.
Grech qal: “Naħseb tiftakru l-famuża ‘roadmap’ fl-2013, roadmap ekonomika li fil-fatt ma wasslet imkien.”
Huwa kompla jgħid li Gvern Laburista nesa għal kollox lil Għawdex: “Nitkellmu wkoll, għaliex le, dwar Għawdex. Anke fuq setturi oħra li kif nafu aħna wkoll intesew kompletament mill-Gvern anke waqt din il-kriżi tal-pandemija.”
Dan qalu għalkemm kemm il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex kellhom reazzjonijiet pożittivi ħafna għall-miżuri tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. Fost l-oħrajn dawn kienu nnutaw kif il-miżura tal-vouchers tal-mitt ewro offriet injezzjoni ekonomika t’aktar minn ħames miljun ewro fl-ekonomija Għawdxija.
Grech kompla jisħaq dwar l-importanza li titjieb il-konnettività bil-baħar bejn Malta u Għawdex: “Dan madanakollu ma jistax iseħħ jekk ma narawx kif ser insaħħu l-konnettività tal-baħar, bl-ajru, kif ukoll bejn dawn iż-żewġ gżejjer naraw li jkun hemm ukoll link permanenti bejn it-tnejn.”
Bernard Grech sostna dan anki jekk l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet u-turn u wara li fil-Parlament kienet ivvutat favur il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, issa trid tara l-istudji u ġewha d-dubji fuq il-proġett.
Filwaqt li Bernard Grech indirizza lin-nies, ma stedinx lill-ġurnalisti jagħmlulu l-mistoqsijiet u f’ħin minnhom ħalla f’idejn Mario De Marco sabiex jispjega d-dokument, b’Bernard Grech deher li ma kienx jaf x’fih sew id-dokument hekk kif għamel diskors sħiħ iħares lejn il-karti u f’daqqa waħda nfixel.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/10/09/dokument-ta-min-mhux-kburi-bpajjizu-il-pl/