Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li m’hemm l-ebda tip t’azzjoni li għandu jieħu dwar Jason Azzopardi.
Dan wara li fil-jiem li għaddew ONE News żvela li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma ddikjarax id-dħul għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa għal numru ta’ snin.
Il-Ħadd il-gazzetta KullĦadd żvelat ukoll li Jason Azzopardi naqas milli jiddikjara x’jaqla’ għal tliet snin konsekuttivi fl-aħħar ħames snin.
Dan skont it-tagħrif li ta l-Ispeaker, meta kien mitlub mill-editur ta’ ONE News, biex skont il-liġi tintbagħat kopja tat-tax returns ta’ Jason Azzopardi u li minn dan it-tagħrif ħareġ li Jason Azzopardi ma ddikjarax x’qala’ għall-2016, għall-2017 u għall-2018.
Mistoqsi fil-jum tat-Tnejn minn ONE News dwar in-nuqqasijiet fiskali ta’ Jason Azzopardi, Bernard Grech reġa’ iddefenda lil Jason Azzopardi, din id-darba mhux fuq il-kamra lussuża fl-Iżrael li tħallsitlu mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, iżda dwar li ma ddikjarax x’jaqla’ għal tliet snin konsekuttivi.
Meta kien mistoqsi: “X’ħa tkun qed tagħmel dwar id-deputat tiegħek Jason Azzopardi li issa ġie żvelat b’mod konkret li dan ma ddikjarax id-dħul tiegħu għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni, inti x’azzjoni konkreta ser tiegħu?”
Bernard Grech wieġeb: “Ma hemm azzjoni aktar li għandi għalfejn nieħu.”
Quddiem dawn il-mistoqsijiet serji dwar Jason Azzopardi, li jitkellem ħafna fuq il-governanza, Bernard Grech saħansitra spjega li dan il-każ huwa wieħed magħluq.
Grech stqarr: “Illum il-kwistjoni hija magħluqa.”
Intant bħal donnu mifxul bil-mistoqsijiet pertinenti ta’ ONE News, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista diġà ħareġ b’pożizzjoni ċara dwar l-istorja li żvela ONE News fuq Jason Azzopardi.
Huwa tenna: “Jason Azzopardi diġà għamilna r-reazzjoni tagħna bħala partit.”
Quddiem din id-dikjarazzjoni wieħed jinnota li l-Partit Nazzjonalista qatt ma’ ħareġ stqarrija uffiċjali sabiex jieħu pożizzjoni dwar l-aħħar skandlu marbut ma’ Jason Azzopardi u minflok tkellem biss mal-midja tal-Knisja.
Bosta qed jinnutaw ukoll kif Jason Azzopardi huwa konxju li l-Kap Bernard Grech għandu jdejh marbuta u m’għandu l-ebda awtorità fuq id-deputat Nazzjonalista, hekk kif il-Kap għamel snin ma jħallasx eluf ta’ ewro f’taxxa.