Fuq l-istazzjon tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien kostrett iċedi għall-pressjoni ta’ Manuel Delia u l-establishment Nazzjonalista, hekk kif sejjaħ il-grupp parlamentari tiegħu bħala wieħed ta’ talent.
Quddiem argumenti li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn nies ġodda, Bernard Grech qal li fil-grupp parlamentari tiegħu hemm it-talent.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Grech, li jpaċi mal-establishment u jżomm mal-linja tal-fazzjoni li għamlitu Kap billi jfaħħar lil min għandu madwaru, waslet ftit jiem wara li Manuel Delia kiteb u kompla jiddetta x’għandu jagħmel Bernard Grech meta ssemma li l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia ġie approvat fuq distrett wieħed bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali.
Ftit tal-jiem ilu anki Jason Azzopardi kien għamilha ċara li hu se jibqa’ fil-qalba tal-partit, hekk kif kien tefa’ filmat tal-President Amerikan Ronald Reagan, li fih dan tal-aħħar kien qal li mhux se jirkeb fuq l-età u l-inesperjenza ta’ min hu iżgħar.
Intant waqt l-istess intervista tal-Ħadd, il-Kap Nazzjonalista kompla ma’ dak li kien qal ftit tax-xhur ilu f’Għawdex meta ried li tgħaddi l-pandemija ħalli mmorru għall-elezzjoni.
Issa qal li l-Partit Laburista fadallu ftit fil-Gvern u l-partit tiegħu se jitla’ fil-Gvern.
Qal, “Fil-ftit li fadalu forsi jibda jagħmel xi ħaġa minn dak li se nissuġerixxulu aħna, jekk ma jagħmilx hu, nitilgħu fil-Gvern aħna u nagħmulha aħna.”