Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu l-ħila u l-kapaċità biex imexxi l-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li fuq dan il-qasam huwa tried and tested.
Huwa qal waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħadd filgħodu hekk kif ġie mistoqsi dwar il-viżjoni li għandu l-istess Partit fuq dan il-qasam.
Bħalma jagħmel kull darba li jiġi affaċċjat b’din il-mistoqsija, Bernard Grech irrefera għall-aħħar manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista u l- s-suppost setturi ekonomici ġodda li fil-verità diġà jeżistu f’pajjiżna.
Dan minkejja li dan l-istess manifest ġie kkritikat mill-midja indipendenti għall-iżbalji li kellu, il-mod vag li bih ġie ppreżentat u anke n-nuqqas ta’ costings li kellu, tant li l-poplu baqa’ mingħajrhom anke sa wara li beda jivvota.
Iżda għal Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista għandu kapaċità f’dan il-qasam. Dan anke għaliex skontu fuq l-ekonomija l-istess Partit wera l-ħiliet tiegħu.
Qal, “Għaliex għandna l-ħila u l-kapaċità u għaliex we are tried and tested.”
Din id-dikjarazzjoni minn Grech tikkuntrasta sew mal-istorja riċenti tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-qasam ekonomiku.
Dan hekk kif l-aħħar Gvern Nazzjonalista taħt Lawrence Gonzi tefa’ lil dan il-pajjiż fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv, fi sfond ta’ ekonomija staġnata.
Madankollu, konvenjentament il-Kap Nazzjonalista naqas milli jsemmi dan. Dan filwaqt li naqas milli jsemmi wkoll l-għajnuniet kbar li Gvern Laburista injetta fl-ekonomija ta’ pajjiżna biex din tiġi salvagwardjata quddiem sfidi kbar bħall-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.
Dan kollu Bernard Grech ma ħassx li kellu jgħidu.
Ħass biss li kellu joqgħod jipponta d-diskors tiegħu lejn dawk li nesew x’kienet il-viżjoni tal-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Qal, “Illum min isaqqsi x’inhi l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, ngħidilkom mela nsejtu x’konnha ngħidulkom qabel l-elezzjoni?”