Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jisħaq fuq dak li kien iddikjara hekk kif waqt intervista l-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista reġa’ rrepeta li jridha tal-Grieg.
Il-preżentatur Quinton Scerri staqsa, “Int għedt li tistħi li int Malti? Għadhek tistħi li int Malti?”
Grech wieġeb, “Mela jien kunjomi Grech, tajjeb u kull meta mmur barra minn Malta, jgħiduli, Mr Griec, ngħidilhom no Mr Grech, ma nistax inħallihom jispellu kunjomi ħażin. Din kienet normali, jiġifieri jekk għaxar snin kont insiefer, kont nogħqod nispjegalhom minn Malta u min ma jafx fejn hi Malta, u kont nogħqod nispjega bil-paċenzja kollha, nurilhom fuq il-mappa u jgħiduli hawn m’hawn xejn, imma nsomma u allura kont indur fuqhom u kont ngħidhilhom, malli jgħid from Greece? Kont ngħidilhom iva.”
Mistoqsi mill-preżentatur dwar kif il-Greċja mhux xi pajjiż li għandek daqstant tħares lejh bħala mudell, Bernard Grech iddefenda lil Greċja.
Scerri qal, “Il-Greċja ma tantx hu xi pajjiż to look up to, jiġifieri?” u Grech wieġeb, “Imma allura.”
Meta mistoqsi sabiex jagħti pjan konkrett dwar x’jagħmel jekk huwa jkun qed imexxi lill-pajjiżna, Bernard Grech qabad issemmi s-soqfa u l-membrane.
“Easier said than done, tagħmel hekk, tagħmel. Però kif ħa ssalva l-ekonomija, kif se tibża għas-saħħa tan-nies u kif se tara li korpi kostitwiti jkunu kuntenti għax kulħadd bl-interessi tiegħu?” Staqsa Scerri.
Bernard Grech qal, “Kif se ssalva saqaf milli eventwalment faqqa’ xibka u taqa’ fuq rashek, li malli jibda dieħel l-ilma jfisser li hemmhekk l-ilma qed isaddad, mela immedjatament triq twaqqaf dak l-ilma milli jidħol, immedjatament tagħmel il-membrane.”
Waqt din l-intervista, anki jekk Malta mhux imsieħba fin-NATO, Bernard Grech semma lil pajjiżna madwar mejda fin-NATO.
“Imma anke meta nkunu qegħdin ma’ mejda fl-Unjoni Ewropea, madwar mejda fin-NATO.” Qal Grech.
Meta mistoqsi dwar l-offerta lill-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia fix-Shadow Cabinet, il-Kap Nazzjonalista qal li ma saret l-ebda offerta. Dan jikkuntrasta sew ma’ dak li rrappurtat it-Times, hekk kif din il-ġimgħa qalet kif Delia rrifjuta li jkun parti mix-shadow cabinet ta’ Grech.
“Ma kien l-ebda offerta fuq il-mejda” Qal Grech.
Grech semma’ kif fil-Partit Nazzjonalista jista’ jkun li d-deputati jaqbdu għonq xulxin.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal, “Jistgħu jiġu hemm ġew, niddiskutu, nitkellmu, jekk hemm bżonn naqbdu għonq xulxin, niġġieldu.”
Intant fi stqarrija, il-Partit Laburista qal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu l-ebda alternattiva u soluzzjoni, b’nuqqas ta’ ideat għall-pajjiż.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li soluzzjoni li semma’ għall-isfida tal-immigrazzjoni hi li l-Gvern għandu jiddeċiedi każ b’każ.