“Jekk kien hemm bżonn ta’ konferma dwar kemm il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kburi b’pajjiżi oħra, u jistħi minn Malta, din ingħatat illum minn Bernard Grech.” Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li dalgħodu, flok ċanfar lill-Membri Parlamentari Ewropej tiegħu Roberta Metsola u David Casa talli vvutaw kontra l-kundanna lejn l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u abbuż fil-Bulgarija, il-Kap Nazzjonalista għażel li jsejjaħ ir-rapport li ġie approvat mill-Parlament Ewropew bħala “superfiċjali”.
“Għal Grech, Metsola u Casa, is-saltna tad-dritt hija importanti biss meta jistgħu jużawha biex isawtu lil Malta”, sostna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista tenna li huwa ċar li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinħakem iktar minn qatt qabel mill-klikka estremista li taħseb li għandha dritt divin għall-poter.
“Kif diġà għamel mal-predeċessuri tiegħu, il-poplu se jkun qed jiġġudika lil Bernard Grech fuq din il-politika distruttiva lejn pajjiżna”, temm jgħid il-Partit Laburista.