Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech infexx f’attakk fuq artiklu li ppubblikat it-Times fejn esponiet il-gidba tiegħu. It-Times kienet ikkoreġiet dikjarazzjonijiet li għamel Grech fil-Parlament b’rabta mal-popolazzjoni f’pajjiżna.
Grech kien qal hekk.
“Kibret li, bejn l-2013 u sal-lum, kważi rdoppjat.”
Wara li t-Times iddedikat il-paġna tagħha tal-Fact-Check, jiġifieri fejn tivverifika jekk l-aħbarijiet humiex veri jew le, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem mal-istess Times u attakkaha, għax ħareġ ċar li hu gideb.
Fil-fatt dwar iż-żieda fil-popolazzjoni, iċ-ċifri uffiċjali juru li hemm baħar jaqsam u ferm inqas minn dak li qed jgħid Grech, iżda għalih l-importanti li jibqa’ jirrepeti l-gidba, kif qal mat-Times.
“U dak l-istatement se nibqa’ nirrepetih, minkejja l-Fact Check li għamlet it-Times.”
Bernard Grech kompla jattakka lill-ġurnalisti tat-Times filwaqt li baqa’ jtenni dikjarazzjonijiet populisti.
“Tfittxu sew u tinvestigaw sew.”
Bernard Grech ġie mgiddeb mill-istatistika uffiċjali li anke kkwotat it-Times.
Grech, li fl-aħħar jiem spiċċa kkritikat għall-kummenti xenofobiċi tiegħu u tal-midja tiegħu, li ddistingwiet bejn dawk li huma “indiġeni” u dawk li mhumiex, mat-Times attakka wkoll lill-istess Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li jieħu ħsieb jiġbor l-informazzjoni skont standards Ewropej.
L-NSO għadu kemm ingħata ċertifikat tajjeb ħafna mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, u iżjed minn hekk status internazzjonali mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, kemm għall-kwalità u t-trasparenza tagħha. Fid-dinja kollha, tali status għandhom biss 30 pajjiż.
Id-dikjarazzjonijiet ta’ Grech ukoll qanqlu reazzjoni mid-Direttur Ġenerali tal-NSO, Etienne Caruana, li f’artiklu fuq il-faċċata ta’ wara tal-Malta Independent tal-Erbgħa, stqarr li l-uffiċċju li jmexxi hu juża l-istess definizzjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni, skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, bħall-bqija tal-istati membri.
RITRATT: Times of Malta