Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech rema t-talba ta’ Adrian Delia u Deputati Nazzjonalisti oħrajn għal Free Vote rigward l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Grech għamel dan mal-mikrofonu ta’ ONE News barra l-binja tal-Parlament it-Tlieta filgħaxija.
Lil Bernard Grech, il-ġurnalist ta’ ONE kwotalu kliem l-eks Kap Adrian Delia fejn ftit minuti qabel tenna kif tkun ‘ħasra’ jekk il-free vote ma jingħatax lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għall-vot dwar l-emendi f’din il-liġi.
Madankollu Bernard Grech rema kliem Delia.
Hekk kif b’hekk Bernard Grech xejjen l-opinjoni ta’ Adrian Delia, huwa spiċċa xejjen ukoll l-opinjoni ta’ deputati oħrajn li kissruha minn ma’ Grech fuq din il-materja tant importanti favur il-familji Maltin u Għawdxin.
Fost oħrajn kien hemm deputati bħal Alex Borg, Carm Mifsud Bonnici, Ivan Bartolo li mxew mal-linja ta’ Delia fuq dan is-suġġett u ukoll skond rapporti talbu Free Vote.
Għalhekk jum qabel jittieħed il-vot fl-istadju tat-tielet qari fil-Parlament fil-konfront tal-emendi f’din il-liġi, il-Partit Nazzjonalista u l-Grupp Parlamentari fi ħdanu jibqa’ maqsum u mifni fil-konfużjoni f’suġġett ieħor ta’ portata f’pajjiżna.
Din il-qasma u l-konfużjoni dehret biċ-ċar f’materji oħra ta’ importanza fosthom il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis, l-emendi inizjali fil-liġi tal-IVF fl-2018 u l-emendi fil-liġi tal-Vjolenza Domestika fl-istess sena.