Bernard Grech tenna kif liż-żgħażagħ il-Gvern “attirahom” bil-kannabis. F’intervista l-Ħadd filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech spiċċa jgħid li jista’ jkun li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jibbażaw il-vot tagħhom fuq il-kannabis.
Saħansitra Grech qal kif il-Gvern liż-żgħażagħ “xegħelhom” bil-kannabis. Il-preżentatur Peppi Azzopardi li kien qed jintervistah qallu li ma jaqbilx li f’pajjiżna ż-żgħażagħ jinteressahom biss mill-kannabis. Madankollu Bernard Grech qallu li huwa fatt li ż-żgħażagħ qed tinteressahom il-politika minħabba l-kannabis.
Dawn id-dikjarazzjonijiet għamilhom meta kien mistoqsi jispjega dak li qal il-Ħadd li għadda, meta kien saħaq kif il-Partit Laburista qed jirnexxielu jaljena liż-żgħażagħ bil-White Paper għal konsultazzjoni dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Qal, “Robert Abela pprova juża din il-kwistjoni tal-kannabis biex mingħalih jaljena u rnexxielu ta sa ċertu punt għaliex is-survey tal-Ħadd li għadda wera illi ż-żgħażagħ anki ressqu aktar lejn il-Partit Laburista.”
Mistoqsi dwar il-maħfriet presidenzjali li ntallbu mill-aħwa Degiorgio u Vincent Muscat il-‘Koħħu’, Bernard Grech għażel li jipprova jitfa’ d-dubji fuq il-kummissarju tal-pulizija. Dan hekk kif filwaqt li talbu jgħid għaliex ingħata parir lill-kabinett biex il-maħfra ma tingħatax huwa kompla jimmina l-pariri tal-kummissarju u tal-avukat ġenerlai u qal kif l-allegat kriminali għandhom biżżejjed informazzjoni.
Qal, “Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinforma aħjar għaliex wasal għal din il-konklużjoni. Żgur li dawn il-persuni qiegħdin jgħidu illi għandhom biżżejjed informazzjoni u jidhru ċar li ser ikompli jieħdu azzjonijiet oħra.”