F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha kellu jagħti r-reazzjoni tiegħu għall-miżuri ġodda mħabbra sabiex tkompli tkun missielta l-pandemija, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech infexx f’attakki ripetuti kontra l-Gvern f’diskors partiġġjan li pprova jdawwar il-pandemija f’ballun politiku.
Fl-iktar pajjiż li qed ilaqqam nies ras għal ras, Bernard Grech talab inkjesta pubblika dwar it-tilqim f’pajjiżna. Fl-istess nifs imbagħad iddefenda liż-żewġ deputati Nazzjonalisti li d-deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-Parlament qallu li kienu talbu sabiex jaqbżu l-kju u jitlaqqmu qabel iż-żmien.
Bernard Grech qal, “Jien dawn id-deputati bgħatt għalihom, kellimthom, tawni l-verżjoni tagħhom u dawn jiċħdu b’mod kategoriku li huma talbu lill-Ministru Fearne biex huma jieħdu t-tilqima meta mhumiex intitolati, u jien nemminhom.”
Bernard Grech qal kif filwaqt li jemmen fis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, stqarr li m’għandux fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela u fid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Dan għalkemm ftit tal-minuti qabel f’konferenza tal-aħbarijiet f’kastilja reġa’ kien ikkonfermat għal darba oħra kif il-miżuri qed jittieħdu fuq il-pariri tas-Supretendent tas-Saħħa pubblika u l-awtoritajiet tas-saħħa. Minflok, Bernard Grech tenna illi Gvern Nazzjonalista wkoll kien affaċja pandemija u kien iffaċjaha aħjar. Dan b’referenza għall-pandemija tal-H1N1 li kienet ħafna inqas gravi minn dik li d-dinja qed taffaċja llum.
Bernard Grech sostna: “Kellna kriżijiet anke ta’ pandemija meta konna fil-Gvern u din ġiet immaniġjata tajjeb.”
Din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta bil-bosta mar-realtà hekk kif dak iż-żmien kienet qamet konfużjoni sħiħa dwar il-proċess ta’ vaċċinazzjoni u minn fejn il-vaċċin kien ser jasal f’pajjiżna. Dan b’rapporti f’gazzetti bħal dak fil-Malta Independent fl-2009, jgħidu li l-Gvern kien jinsab f’konfużjoni dwar il-vaċċin tal-H1N1.
Hawnhekk kien ġie rrapportat kif il-partit li llum qed jikkritika li l-vaċċinazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna mhux tkun trasparenti, kien qed iżomm l-iżviluppi dwar il-vaċċin tal-H1N1 moħbija b’nuqqas kbira ta’ komunikazzjoni. Dan filwaqt li kompliet tirrapporta kif kien evidenti li kien hemm ukoll nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn id-dipartiment differenti tal-Gvern.
B’reazzjoni għad-diskors ta’ Bernard Grech fi Stqarrija l-Partit Laburista saħaq kif f’dagħdigħa negattiva l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ kien negattiv għalkollox fuq il-pjan ta’ tilqim, bid-diskors tiegħu ikun xiehda oħra ta’ Kap li jieħu pjaċir bid-deni u li m’għandu ebda apprezzament lejn l-awtoritajiet tas-saħħa u l-ħaddiema fis-settur.