Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jikkonferma li ġie mġiegħel imur lura minn kliemu u li ma jmexxix lill-Partit Nazzjonalista.
Waqt il-programm XTRA ma’ Saviour Balzan fuq l-istazzjon nazzjonali, Bernard Grech baqa’ ma ta l-ebda raġuni għaliex l-Oppożizzjoni ħarġet kontra n-nomina tal-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi għall-kariga tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Balzan staqsa kemm il-darba lill-Kap Nazzjonalista għaliex il-Partit Nazzjonalista mhux jaċċetta n-nomina ta’ eks Prim Imħallef u hu favur eks Imħallef ieħor għal kariga ta’ Ombudsman iżda Bernard Grech baqa’ ma tax ir-raġunijiet ħlief qal li huwa kontra n-nomina tal-Gvern.
“U aħna għandna raġunijiet tagħna.”
Il-preżentatur kompla jagħfas lill-Kap Nazzjonalista.
SAVIOUR BALZAN: “U inti hawnhekk m’intix se tgħid għalfejn?”
BERNARD GRECH: “Saviour, tiħux għalik jiena għandi rispett kbir lejn kulħadd, għandi rispett ukoll lejn Joe Azzopardi.”
Fl-aħħar jiem ONE News żvela kif kienu Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, u Mark Anthony Sammut l-iktar li fil-Partit Nazzjonalista nsistew u esiġew lill-Kap li ma jaċċettax in-nomina tal-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi.
It-tliet Deputati msemmija huma fost l-eqreb tal-għaqda Repubblika, li qed tkompli timponi fuq kif għandu jimxi l-Kap Bernard Grech.
Fil-fatt it-Tnejn, l-għaqda Repubblika u l-Partit Nazzjonalista ngħaqdu flimkien f’attakk dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dan hekk kif f’temp ta’ ftit sigħat, ta’ Repubblika, immexxija minn ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġu stqarrijiet dwar in-nomina ta’ Joseph Azzopardi, eks Prim Imħallef.
Dwar dan is-suġġett il-Partit Laburista kien irrimarka li hija tassew arroganza ta’ min irid li mill-Oppożizzjoni tgħaddi tiegħu biss.