Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għandu fiduċja f’dak li qal David Thake, id-Deputat Nazzjonalista li nqabad li kien żamm f’butu aktar minn kwart ta’ miljun ewro f’VAT dovuta.
Saħansitra f’konferenza tal-aħbarijiet Grech saħaq li dak li qal Thake huwa aċċettabbli.
Grech qal, “David Thake wieġeb id-domandi tiegħu, jien għandi fiduċja li dak li qiegħed jgħid huwa allura minnhu u aċċettabbli.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, lil Bernard Grech staqsejnih jekk mhux se jneħħi lil Thake mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Hawnhekk deher ċar kif Grech mhux biss huwa ostaġġ tas-sitwazzjoni iżda anki bla sinsla, hekk kif kellu jiġġustifika n-nuqqasijiet fiskali ta’ Thake, għax bħalu għamel medda twila ta’ żmien ma jħallasx it-taxxa dovuta lill-Istat.
Grech qal, “David Thake hija storja oħra.”
B’reazzjoni għall-ħajt ta’ kenn li offra Grech lil Thake, li ma kienx ħallas iżjed minn mitejn u sebgħin elf ewro VAT ta’ kumpanija li hu huwa l-uniku shareholder fuqha, il-Partit Laburista fi stqarrija tenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jitkellem kemm irid fuq il-governanza, madankollu meta mbagħad jiġi mistoqsi fuq min ma jħallasx it-taxxa, jispiċċa jiġġustifikaha.
Dan għaliex għandu problema ta’ kredibilità minħabba li d-dnub tiegħu huwa bħan-nuqqas ta’ min poġġih Kap.