Bejn l-elfejn u ħdax u l-elfejn u għoxrin, seħħew tmienja u ħamsin każ ta’ omiċidju f’pajjiżna, li tmintax minnhom għadhom mhux solvuti.
Minkejja li jgħaddu s-snin, il-Pulizija qatt ma torqod fuq dawn il-każijiet, u l-iżviluppi fl-aħħar jiem b’rabta mal-omiċidji tal-Avukat Carmel Chircop fl-elfejn u ħmistax u Daphne Caruana Galizia fl-elfejn u sbatax huma xhieda ta’ kemm l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma jaqtgħu xejn.
L-Ispettur Kurt Zahra, mill-Iskwadra tal-Omiċidji, spjega li għall-Pulizija, każ mhux solvut ifisser li ħadd ma jkun tressaq il-Qorti.
Qal kif, “Aħna biex inressqu lil xi ħadd il-Qorti bħala Pulizija, il-grad tal-prova huwa għoli irid ikun lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni. Il-mira tagħna mhux biss hija li nkunu nafu min għamel l-omiċidju imma anki li jkollna provi biżżejjed biex nilħqu dak il-grad ta’ prova.”
L-Ispettur spjega li meta jseħħ omiċidju, jinfetaħ file li jingħata lil tim investigattiv immexxi minn Spettur fl-Iskwadra tal-Omiċidji.
Meta jgħaddi ċertu ammont ta’ żmien u l-każ ikun għadu mhux solvut, issir reviżjoni tal-każ inkwistjoni.
Spjega, “Wara li jkun ra x’sar dak iż-żmien, tibda tara jekk kienx hemmx gaps u affarijiet li llum tista’ tagħmel li dak iż-żmien ma sarux u tara jekk hemmx xi ċirkostanzi li nbidlu madwar dak il-każ u li inti tista’ taħdem fuqhom jiġifieri fil-verità, omiċidju li għadu ma ssolviex, il-Pulizija qatt ma torqod fuqu.”
Iż-żieda fir-riżors uman f’din l-iskwadra fl-aħħar snin, wasslet għal suċċessi kbar.
Fost l-oħrajn, is-sitt omiċidji li saru s-sena li għaddiet ġew solvuti kollha, b’uħud involvew l-estradizzjoni ta’ persuni minn barra l-pajjiż.
L-avvanzi fit-teknoloġija huma kruċjali fil-ħidma tal-Korp f’dawn il-każijiet, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ analiżi ta’ evidenza forensika.
Qal kif, “Minn hawn u għaxar snin oħra ma nafux fejn ħa nkunu fejn tidħol teknoloġija allura jkollok dawk iċ-ċirkostanzi fejn każ li ġara għaxar snin ilu, illum għandek għodda li tista’ tagħmel dawk l-investigazzjonijiet b’għodda li għaxar snin ilu ma kellniex.”
L-Ispettur spjega li f’kull omiċidju, kemm bħala investigaturi u sussegwentament anki Prosekuturi meta jissolva l-każ, l-uffiċjali jżommu kuntatt kontinwu mal-qraba tal-vittmi.
Qal, “Forsi anki l-familjari stess ikunu ġew rikonoxxenza ta’ xi fatti li forsi aħna dak iż-żmien, kemm huma u kemm aħna, ma kellniex rikonoxxenza tagħhom. Allura nipprovaw inżommu dik il-komunikazzjoni attiva mal-familja anki meta jsir ir-review.”
L-appell hu biex min għandu xi informazzjoni dwar każijiet antiki, jitkellem mal-Pulizija, anki jekk b’mod anonimu, biex il-Korp ikun jista’ jinvestiga abbażi ta’ din l-informazzjoni.