Beda jdoqq billi jħabbat maċ-ċilindri tal-gass iżda l-ewwel esperjenza tiegħu fid-daqq tal-qniepen kienet fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann meta kien għadu student fl-iskola sekondarja ta’ San Albertu l-Kbir tal-Belt. Infatti, kien l-għalliem tiegħu tal-arti u d-disinn li kien irranġalu mas-sagristan biex idoqq il-qniepen ta’ wieħed mill-akbar monumenti storiċi ta’ pajjiżna.
Dan huwa dak li rrakkontalna il-Kampanoloġista Rayden Mizzi, li tkellem magħna dwar l-esperjenzi tiegħu bħala studjuż tal-qniepen.
Rayden beda jirrikordna l-qniepen tal-lokalitajiet viċin fejn joqgħod fl-2007 u minn dakinhar sal-lum baqa’ jkabbar il-proġetti tiegħu.
Ovvjament, b’kurżità liema bħala, l-ewwel mistoqsija tagħna kienet xi jfisser id-daqq tal-qniepen.
“Id-daqq ivarja ħafna, għax trid timxi skont il-liturġija tal-Knisja. Pereżempju jekk għandek it-2 ta’ Novembru ħafna mill-qniepen se jindaqqu b’mod ta’ niket, il-libra solenni jgħidulha. Jekk waslet il-festa tar-raħal ħa tisma’ l-qniepen b’nota ta’ ferħ, jiġifieri ħa tismahom kollha flimkien.”
Infatti, anke d-daqq tal-qniepen fil-festi jvarja.
Rayden tana eżempju kif fil-festa ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq, jindaqqu t-tokki fuq il-qanpiena l-kbira bħala sinjal li daqt jibda n-nar tal-art.
Iżda, fl-imgħoddi id-daqq tal-qniepen kien jinstema’ wkoll waqt xi maltempata, mhux biss iwissi dwar ix-xita qalila, imma għaliex kienu jemmnu illi bil-ħoss tal-qniepen il-maltemp kien jgħaddi.
Iżda dik mhix l-unika kurżità tal-imgħoddi dwar il-qniepen.
Il-Kampanoloġista qalilna b’dak li kien jiġri ftit qabel it-tokki ta’ nofsinhar meta n-nisa tad-dar kienu jippreparaw l-ikla għal żewġhom.
“Fl-antik f’nofsinhar neqsin kwart kienu jindaqqu xi sbatax-il tokk tal-arloġġ biex ir-raġel tagħhom li jkun qed jaħdem fl-għelieqi jkollu sinjal illi jkun wasallu l-ħin biex imur jiekol id-dar.”