Tliet persuni mejta u tnax oħra midruba- b’sitta minnhom feruti gravi f’attakk terroristiku li seħħ f’suq tal-Milied fi Place Kleber fi Strasburgu. Il-każ seħħ kmieni t-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja ħin lokali qrib tal-pjazza ċentrali Kleber.
L-aggressur huwa Cherif Chekatt- estremist Franċiż ta’ disgħa u għoxrin sena li fetaħ in-nar fuq in-nies u allegatament għajjat Allahu Akbar u ħarab minn fuq il-post b’taxi.
Tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod, kien hemm iż-żewġ ewroparlamentari Maltin Miriam Dalli u Marlene Mizzi.
Ma’ One News, Dalli qalet li qajla kien jgħaddilha minn moħħha li ser jiġri xi ħaġa ta’ din ix-xorta f’dan is-suq tal-Milied li huwa popolari ħafna mal-Ewropej. Dak il-ħin kienet ma’ ħabiba tagħha f’ristorant u rrakkontat magħna paniku li nqala’ f’din il-belt siekta.
Dalli qalet kif “Mat-20:30 bdejna naraw kommossjoni sħiħa u wara rrealizzajna li kien hemm attakk b’diversi persuni mejta. Domna sitt sigħat fir-ristorant u f’ħin minnhom ipprovajna noħorġu għax ma konniex nafu x’ġara eżatt jien u ħabibti. Morna biex naqbdu taxi biex mingħalina naslu lura u kien hemm min beda jiġri fit-triq u bdew jgħidulna idħlu lura għax kienu għadhom qed jisparaw.”
Miriam Dalli spjegat kif kawża ta’ dan il-paniku, il-persuni kollha li kienu fir-ristorant spiċċaw inqaflu ġewwa minħabba l-periklu u l-biża’ li ħakimhom:
Dalli qalet li “bħar-ristoranti tagħna u oħrajn fil-qalba, għalquhom bir-rixtellu u b’hekk ma stajniex noħorġu. F’ħin minnom daħlu l-Pulizija u s-suldati armati anke dir-ristorant li konna aħna fih. Kien fis-2:30 ta’ filgħodu li ġew is-suldati armati u ħarġuna bħala grupp. Eskortawna bit-triq kollha mimlija suldati armati.”
Miriam Dalli qalet li setgħet tifhem eżattt xi jħossu persuni li jgħaddu minn esperjenza bħal din.
Dalli spjegat kif “Ma kinux mumenti sbieħ – xejn sabiħ affattu tirrealizza meta tkun f’nofsha.”
L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi kienet kantunier bogħod minn fejn seħħ l-attakk.
Mizzi qalet “rajna l-karozzi tal-pulizija deħlin b’veloċità enormi peress li konna ftit kmieni biex immorru għar-ristorant morna lura biex naraw x’ġara. Rajna persuna mal-art mdawra bil-Pulizija, ma nafx jekk kienx ħaj jew mejjet.”
Qalet li dak il-ħin kienet f’ristorant mal-Ambaxxatur ta’ Singapore għal-Belġju u spiċċat maqbuda fih sas-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu.
Mizzi qalet li dan l-attakk sfratta l-ispirtu tal-Milied, li tant huwa magħruf għalih dan is-suq:
Mizzi qalet li “Kienet esperjenza kehra. Strastbourg kienet fl-aqwa tagħha għax is-suq tal-Milied huwa famuż fl-Ewropa kollha. Illum ma’ feraħ xejn. Il-Parlament lura għan-normal għax Tajani ddeċieda hekk u l-iskejjel ukoll iżda Strasbourg mejta.”