Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, f’kumment ma’ ONE News waqt il-bulettin tal-aħbarijiet, spjega kif “kull edukatur se jkun qed ikollu żieda, mingħajr ebda żieda ta’ sigħat jew ħtieġa li jġibu kwalifiċi addizzjonali.”
Spjega kif kien hemm ir-rieda bejn il-partijiet kollha involuti fejn flimkien mal-MUT kien hemm għan komuni, dik li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi f’pajjiżna.
Dan hekk kif il-Gvern u l-MUT laqgħu b’sodisfazzjon li l-laqgħat u n-negozjati li saru, anki din il-ġimgħa stess, wasslu biex jintlaħaq qbil li permezz tiegħu l-Unjin tal-Għalliema tista’ tmur għand il-membri tagħha u tressaq dan il-ftehim għall-approvazzjoni tagħhom għal ftehim settorjali ġdid.
Il-Ministru spjega kif dan il-ftehim se jkun qed iwassal, “Titjib finanzjarju, titjib u rikonoxximent anke f’dak li huwa l-edukatur li ta s-servizz għal numru ta’ snin, l-arretrati li se jitħallsu proprju mill-1 ta’ Jannar 2023, allowances li qabel kienu jingħataw lil kategorija waħda ta’ edukaturi issa se jibdew jingħataw kategorija oħra fosthom LSEs u anke KGEs u diversi inizjattivi oħra li rajna li huma kruċjali sabiex permezz tagħhom ninċentivaw u anke nattiraw aktar edukaturi lejn il-professjoni u nassiguraw li aktar professjonisti jibqgħu f’din il-karriera.”