Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ta l-impressjoni li l-vouchers tal-mitt ewro li ta l-Gvern bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika mhux qed jintefqu u jintużaw mill-familji.
Fi kliemu, anki bil-vouchers, in-nies ma tantx qed jirriskjaw li joħorġu.
Arrigo stqarr, “Anki b’dawk il-vouchers sibna li ħafna nies ma tantx jirriskjaw li qed joħorġu wkoll.”
Din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta bil-kbir mas-sentiment tan-negozji u l-familji li lkoll irrikonoxxew kemm il-vouchers laqtuhom b’mod pożittiv.
Ir-rappreżentanti tan-negozji fosthom anki l-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Medji rrimarkaw kemm l-injezzjoni ta’ ħamsa u erbgħin miljun ewro li ta l-Gvern bil-vouchers tal-mitt ewro lil kull persuna minn sittax-il sena ‘l fuq kienet importanti biex terġa’ tibda ddur ir-rota.
Fost l-oħrajn, sid ta’ ħanut żgħir fiż-Żejtun kien stqarr li l-vouchers sarfu f’iktar minn erbat elef ewro li ntefqu fin-negozju tiegħu.
Iżda fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha deher ċar li huma biss esponenti Nazzjonalisti favur Delia li qed jitħallew jidhru u jitkellmu hekk kif bdiet it-taqbida għall-għażla tal-Kap tal-partit, Arrigo kompla jkun negattiv.
Huwa stqarr li huwa kontra li jidħlu l-cruiseliners f’pajjiżna.
Huwa qal, “Jiena kont nagħti parir biex ma jidħlux.”
Nhar il-Ġimgħa filgħodu daħal fil-Port il-Kbir, l-ewwel cruiseliner f’ħames xhur.
Il-cruiseliner MSC Grandiosa għażel lil pajjiżna u mhux pajjiżi oħra għax jemmen li Malta hija sigura.
It-turisti abbord dan il-cruiseliner rikbu fil-portijiet ta’ Genova, Ruma, Napli u Palermo fl-Italja, wara li lkoll irriżultaw fin-negattiv għall-COVID-19.
Dan apparti li f’pajjiżna ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom anki ittestjar fuq ix-xufiera tax-xarabanks u l-gwidi turistiċi, sa ma bdew neżlin it-turisti minn fuq il-vapur li qagħdu fi gruppi żgħar.