Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku bejn erba’ vetturi f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs fi Triq il-Mosta.
Jirriżulta li l-inċident seħħ bejn karozza tat-tip Kia Sportage misjuqa minn raġel ta’ 60 sena min-Naxxar li kellu miegħu passiġġiera ta’ 59 sena, karozza tat-tip Dacia Sandero misjuqa minn Taljan ta’ 29 sena minn Ħaż-Żebbuġ u karozza oħra tat-tip Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 25 sena min-Naxxar.
Filwaqt li karozza oħra tat-tip Chevrolet li kienet ipparkjata, ġarrbet xi ħsarat wara li ntlaqtet bl-impatt.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-passiġġiera u Taljan l-isptar għall-kura meħtieġa.
Iktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li kellha ġrieħi ħfief, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li ndarab gravi.
Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.