Il-Ħamis filgħodu, l-għada ta’ qabda rekord ta’ droga kokaina, il-Ministru għall-Finanzi għamel żjara lill-ħaddiema tad-Dwana stazzjonati fil-Port Ħieles.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joe Chetcuti spjega li s-sejba t’aktar minn sitt mitt kilogramma ta’ kokaina saret wara li l-ħaddiema li jevalwaw ir-riskju tal-kontainers iddentifikaw numru ta’ kontejners li seta’ kellhom xi llegalità.
Chetcuti kompla jispjega li dan is-suspett wassal lill-kontejner sabiex jiġi scannjat mill-XRay tad-Dwana.
“Dan l-image irriżulta li kien hemm inkonsistenza fil-kontenut. Mhux il-kontenut as such għax il-kontenut kien palm oil imma l-pellets li kienu qed iżommu il-palm oil. Ġo fihom kien hemm kompartiment li fih kienet moħbija d-droga,” sostna Caruana
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna li l-investiment li sar fid-Dwana qed iħalli riżultati. Spjega li tul l-aħħar snin sar mal-€20 miljun f’investiment fid-Dwana. Spjega li bil-qabda tal-Erbgħa, pajjiżna bagħat messaġġ li Malta hija pajjiż serju u tenna li dawn huwa Gvern li jemmen bi sħiħ fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
“Il-mod kif kienet moħbija d-droga kien metakoluż ħafna u li kieku ma jkunx għall-fatt li wieħed ikun verament imħarreġ li kieku din il-qabda ma kinetx issir. Ilkoll għandna nkunu grati għall-ħidma li qed issir għax fl-aħħar mill-aħħar din turi s-serjetà ta’ pajjiżna f’dan il-qasam,” qal Caruana.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi ra wkoll l-apparat li d-Dwana se tkun qed tuża fil-kontrolli l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ fuq il-passiġġieri li se jaslu mir-Renju Unit fil-bidu tas-sena l-ġdida.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana spjega li sabiex ma jiżdiedx il-ħin ta’ stennija fis-sala tal-wasliet fl-ajruport, id-Dwana se tkun qed tgħaddi l-bagalji kollha tat-titjiriet tar-Renju Unit minn ġewwa X-Ray eżatt qabel joħorġu fuq iċ-ċinturin biex jinġabru mill-passiġġieri.