Ktieb ġdid dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-okkażjoni tal-għaxar snin mindu nħatar mexxej tal-Partit Laburista jista’ jinkludi ismek.
Din id-darba s-sensiela kotba soċjalisti qed tagħti ċans uniku lill-Maltin u l-Għawdxin biex jawguraw direttament lil Joseph Muscat billi jniżżlu isimhom f’dan il-ktieb.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista spjega l-ħsieb wara din il-pubblikazzjoni. Debattista spjega kif din “Se tkun pubblikazzjoni unika. Ritratti li jsegwu l-għaxar snin ta’ tmexxija ta’ Joseph Muscat. Esperjenzi diretti u kitbiet ta’ analiżi. Fuq kollox se nħarsu ‘l quddiem daqs kemm se nħarsu lura, għax fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se nwasslu l-messaġġ dwar dak li baqalna nagħmlu flimkien biex nibnu Malta future proof.”
Joseph Muscat inħatar Mexxej tal-Partit Laburista fis-sitta ta’ Ġunju tal-elfejn u tmienja wara li kkampanja bl-għajta ta’ Ġenerazzjoni Rebbieħa.
Tul dan iż-żmien li ilu fit-tmexxija tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, daħal f’qalb il-Maltin u l-Għawdxin u huwa minħabba dan li nibtet l-idea li din id-darba l-pubbliku jkun involut direttament.
Debattista qal li “Minbarra dak kollu li wieħed jistenna minn ktieb ta’ dan it-tip, se jkun hemm ukoll paġni fejn se jkun hemm isem u kunjom dawk li jagħżlu li jawguraw lil Joseph Muscat f’dan l-anniversarju importanti għall-Partit Laburista. Min jagħmel dan ikollu wkoll il-ktieb merfugħ meta jkun ippubblikat.”
L-iktar mezz faċli biex wieħed japplika hu billi jakkwista kopja tal-gazzetta KullĦadd ta’ għada, isib il-formola maħsuba għal dan il-għan u jsegwi l-istruzzjonijiet ta’ fejn u sa meta għandha tintbagħat.