David Agius, Eks Viċi Kap u llum Deputat Nazzjonalista li qed jaspira li sena oħra jkun fil-Parlament Ewropew, inqabad ma jafx il-bażiku fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea.
David Agius, li anke fuq it-televiżjoni jiftaħar li għamel ħafna snin Whip u mal-għoxrin sena fil-Parlament Malti, illum hu kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
It-Tnejn, wara li l-Prim Ministru għamel Stqarrija Ministerjali dwar l-impenji internazzjonali li kellu, fosthom laqgħat mal-mexxejja Ewropej fil-Kunsill Ewropew, David Agius qam jistaqsi jekk il-kwistjoni tal-Air Malta tqajmitx f’livell ta’ Kunsill Ewropew, fergħa li tagħti direzzjoni politika fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea.
Qal, “Insaqsi lill-Prim Ministru jekk f’dan is-Summit hu tkellimx u x’għamel dwar il-linja nazzjonali tagħna, l-Air Malta.”
Li ma kienx jaf David Agius, il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, hi li kwistjoni bħalma hi dik tal-linja nazzjonali tal-ajru lokali tiġi ttrattata fil-fergħa eżekuttiva l-oħra tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Kummissjoni Ewropea.
Fil-fatt dan innotah anke l-Prim Ministru fi tweġiba ċara u soda.
Qal, “Staqsa l-Onor. David Agius dwar jekk tħadditniex dwar l-Air Malta ġewwa l-Kunsill Ewropew. Domanda oħra li, Sur President, ma nifhimhiex meta l-aġenda hija waħda ċara u l-Air Malta nitħaddtuha mal-Kummissjoni Ewropea mhux ġewwa l-Kunsill Ewropew. Jiġifieri li inti ma tkunx taf ir-regoli bażiċi ta’ kif jaħdmu l-istrutturi Ewropej. Ir-ristrutturar tal-Air Malta huwa proċess li aħna qegħdin nagħmlu mal-Kummissjoni Ewropea. Mal-Kummissarju responsabbli, mal-Kummissjoni nnifisha u ċertament mhuwiex suġġett illi wieħed jaqbdu ġewwa l-Kunsill Ewropew.”
Il-Prim Ministru tenna l-prinċipji tal-Gvern Malti li se jibqa’ jiggarantixxi, jiġifieri li pajjiżna se jibqa’ jkollu linja tal-ajru nazzjonali tiegħu, filwaqt li l-ħaddiema tal-Air Malta se jibqa’ jkollhom serħan il-moħħ dwar ix-xogħol tagħhom.
Intant il-kandidatura ta’ David Agius għall-Parlament Ewropew kienet qajmet ferment sħiħ fil-kurituri tal-Istamperija.
L-aktar li ddarras kien Peter Agius, li għad għandu aspirazzjonijiet li jieħu siġġu fil-Parlament Ewropew