Is-saga ta’ Jason Azzopardi li raqad f’kamra mħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech fil-lukanda lussuża tal-Hilton f’Tel Aviv qed tkun sors ġdid ta’ ġlied u firda interna fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
B’Adrian Delia mhux qed ikun ikkontrollat mit-tmexxija l-ġdida u bil-każ t’Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech spiċċa jiddefendi b’kull mezz lil Jason Azzopardi fejn saħaq li dan għandu kwalitajiet kbar u għamel ħafna ġid.
Hu qal, “Ma rrid lil ħadd illi jintrema’, ma rrid lil ħadd illi jitwarrab. Irridu nifhmu li Dr Jason Azzopardi huwa bniedem u politiku li għandu kwalitajiet kbar ħafna, huwa politiku li għamel ħafna ġid għal pajjiż”
Madankollu fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, NET FM, Adrian Delia ma qagħadx lura li jizzika lil Jason Azzopardi, li kontrih saħansitra għandu kawżi l-Qorti.
Għal Delia x-xilep kien ġewwa hekk kif semmiegħ fi programm it-Tlieta wara nofsinhar fuq ir-radju Nazzjonalista ried jikkummenta fuq l-aġir ta’ Jason Azzopardi.
Is-semmiegħ talab biex ma jaqtgħulux.
Ftit wara t-telefonata, pront daħal l-intervent ta’ Adrian Delia, li bir-riħ fil-qala’, ikkwota ċ-ċanfira tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika lil Jason Azzopardi.
Hu qal, “Importanti wkoll illi ma nħallix il-kummenti tas-sinjur illi kkummenta fuq l-Onor. Jason Azzopardi. Kien hemm u jien lħaqt qrajt deċiżjoni ta’ inammissibilità ta’ talba għall-investigazzjoni. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, prattikament ikkonkluda illi mhux esklużi li f’ċerti ċirkostanzi nistgħu nieħdu konjizzjoni ta’ talbiet ġenwini għall-investigazzjoni minn persuni soġġetti għall-att dwar aġir tagħhom stess. L-aġir soġġett tat-talba tal-Onor. Azzopardi seħħ f’Marzu 2017 u għalhekk jien prekluż milli ninvestiga ai termini tal-artiklu 14/1.”
Fuq ir-rapport ta’ Hyzler li sejjaħ it-talba għall-investigazzjoni minn Jason Azzopardi bħala waħda superfluwa meta kien jaf li Hyzler huwa prekluż bil-liġi li jinvestigah, Delia fakkar ukoll li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika xejjen ukoll l-iskuża ta’ Jason Azzopardi li rreċiproka l-ħlas tal-kamra f’lukanda f’Tel Aviv mill-Grupp Tumas billi xtara rigal tal-fidda lil min ħallaslu l-kamra.
Spjega li, “Quanto għad-dikjarazzjoni ta’ Dr. Azzopardi illi huwa rreċiproka l-ospitalità b’rigal tal-fidda, għandi nosserva bħala prinċipju ġenerali u dan b’ebda riflessjoni fuq il-mertu ta’ dan il-każ, li jekk deputat jingħata rigal, inkluż ospitalità u jirreċiprokah b’rigal min-naħa tiegħu, dan ma jikkanċellax ir-rigal mogħti lid-deputat u ma jeżentax lid-deputat mid-dispożizzjoni relevanti tal-kodiċi ta’ etika tal-membri tal-Kamra tad-Deputati.”
Delia ma qagħadx lura li jkompli jgħaddi botti lil Jason Azzopardi, dak li kien fuq quddiem li ħeġġeġ lil Bernard Grech biex jaqla’ lil Delia minn postu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Li hu abjad, abjad, li hu iswed, iswed.”
Intant urtat għall-aħħar għall-kummenti ta’ Delia fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi kiteb fuq il-profil tiegħu fuq facebook u ilmenta li kien ikun iktar xieraq li kien ikun preżenti jew ingħata ħin fuq ir-radju tal-Partit tiegħu stess.
“Nimmaġina li dan il-fatt ħarablu bi żvista ġenwina u onesta”, saħaq Jason Azzopardi, b’botta fina lejn Adrian Delia li hu magħruf kemm it-tnejn huma għajn għal għajn u sinna għal sinna.