Ħarġet is-sejħa għall-offerti għall-bini ta’ żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, proġett b’investiment ta’ aktar minn €20 miljun li ser jitmexxa mill-aġenzija infrastrutturali li l-Gvern ser iwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan il-proġett beda jitfassal fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, fuq talba tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, sabiex ikomplu jittaffew id-diffikultajiet fl-ivjaġġar għar-residenti ta’ Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid u għal eluf ta’ persuni oħra li jgħaddu minn dawn l-inħawi ta’ kuljum. L-investiment f’din il-ħolqa ewlenija tas-sistema tat-toroq Maltin jinkludi disinn ġdid għar-roundabout sabiex issir aktar sigura u l-bini ta’ żewġ mini li jgħaqqdu direttament Vjal Santa Luċija ma’ Triq Tal-Barrani. B’hekk, meta tkun għaddej minn Vjal Santa Luċija lejn Triq Tal-Barrani, jew bil-kontra, ma jkunx hemm għalfejn li ddur mar-roundabout iżda tkun tista’ tibqa’ għaddej mill-mini, mingħajr waqfien.
Din ir-roundabout hija wkoll wieħed mill-aċċessi ewlenin għal Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. Meta jitlestew il-mini l-ġodda, ser jonqsu wkoll id-diffikultajiet tar-residenti biex jidħlu jew joħorġu mid-djar tagħhom f’dawn il-lokalitajiet hekk kif ir-roundabout ser tkun iddisinjata b’mod li jonqsu r-riskji ta’ inċidenti, waqt li tkun qed tintuża ferm inqas.
Is-sejħa għall-offerti li ħarġet fil-bidu ta’ April li għadda tinkludi t-tħaffir ta’ żewġ mini b’żewġ korsiji-il waħda, b’tul ta’ aktar minn 100 metru. Fuq dawn il-mini, imbagħad ir-roundabout eżistenti ser tinbena mill-ġdid, b’aċċess aħjar għal-lokalitajiet li jmissu magħha. Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil u t-tisħiħ ta’ diversi servizzi tad-distribuzzjoni tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni li hemm bħalissa taħt l-art f’dawn it-toroq.
Din għalqet illum. Il-proġett ser jitmexxa mill-aġenzija ġdida li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali ser iwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjin, u li ser ikollha r-responsabilità li twettaq l-impenn tal-Gvern biex pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq u t-trasport f’pajjiżna. Din l-aġenzija ser twettaq proġetti kbar, bħal dan ta’ Santa Luċija, biex jonqsu d-diffikultajiet fl-ivjaġġar fit-toroq arterjali. Fl-istess waqt, ser tiffoka wkoll fuq it-tiswijiet, manutenzjoni u l-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali f’Malta u Għawdex. Ewlenin fost dawn tal-aħħar hemm il-bini ta’ madwar 160 triq li minkejja li fihom jgħixu mijiet ta’ residenti, għadhom qatt ma’ ġew mibnija u asfaltati kif meħtieġ.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg spjega li l-bini tal-mini ta’ Santa Luċija huwa żvilupp ieħor fil-pjan fit-tul tal-Gvern għal trasport aħjar f’pajjiżna. “Meta ngħatajt ir-responsabilità tal-investiment tal-Gvern biex ikollna toroq aħjar, għamiltha ċara li kull ma nagħmlu jeħtieġ jitwettaq fl-isfond ta’ pjan fit-tul, b’miżuri ta’ livelli u kobor differenti, li jikkumplimentaw lil xulxin b’mod sħiħ. Tlabt li naraw kif il-proġetti diġà ppjanati jew qed jitwettqu ser jolqtu l-inħawi madwarhom. Studjajna fost oħrajn, il-proġetti tal-Kappara Junction u l-Marsa Junction u identifikajna diversi soluzzjonijiet ta’ kif nistgħu nkomplu nieħdu aktar benefiċċji minn dawn l-investimenti.”
“Fil-fatt,” kompla jispjega l-Ministru Borg, “nedejna mill-ewwel l-ippjanar tal-proġett tat-twessigħ tal-Marsa Ħamrun Bypass, investiment ta’ €5 miljun li beda jitwettaq ix-xahar li għadda, u l-proġett tal-mini ta’ Santa Venera. Dawn il-proġetti ser ikomplu jżidu l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ waħda mir-rotot ewlenin bejn in-naħa ta’ fuq, iċ-ċentru u n-naħa t’isfel tal-pajjiż, toroq li ta’ kuljum jgħaddu minnhom għexieren ta’ eluf ta’ persuni. Ser nibqgħu nistinkaw biex niksbu mezzi ta’ vjaġġar aktar sostenibbli, aktar effiċjenti u aktar siguri, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.”