4 kotba li għadhom kif ġew ippubblikati se jxerrdu l-kultura tal-lokalità ta’ Birkirkara ma’ diversi qarrejja. Il-kotba tnedew b’mod virtwali mill-Kunsill Lokali ta’ waħda mill-akbar lokalitajiet f’Malta.
Il-kotba huma triloġija tal-kittieb Tarċisio Zarb. Magħhom ġiet ippubblikata wkoll it-tieni edizzjoni ta’ Muża Karkariża, li ġie kkumpilat minn kittieba tal-lokalità, immexxija lkoll minn Terry Muscat.
Waqt it-tnedija, li saret b’mod virtwali, is-Sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech qalet li l-Kunsill baqa’ għaddej bil-ħidma kulturali tiegħu biex jippromwovi l-għeruq tal-lokalità.
“Dawn huma letterarji Karkariżi li ġabru l-letteratura tagħhom bl-attivitajiet li għamlu, u aħna bħala Kunsill nippromwovuhom bħala ktieb. Hekk il-letteraturi Karkariża u anke n-nies jibqgħu ħajjin.”
Il-Professur Charles Briffa, li waqt it-tnedija ta spjegazzjoni tal-kontenut tal-kotba, qal li dawn se jwessgħu il-ħsibijiet tal-qarrejja dwar x’jagħmel il-bniedem dak li hu.