Wieħed u għoxrin immigrant li għandhom bejn it-tmintax u s-sebgħa u tletin sena nżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, filwaqt li 6 immigranti minuri ntbagħtu fiċ-ċentru YOURS.
Dawn is-sebgħa u għoxrin immigrant tressqu l-Qorti wara li allegatament għamlu rewwixta fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa li għadda. Huma kienu akkużati fost l-oħrajn li kisru l-paċi pubblika u għamlu l-ħsara f’propjetà tal-Gvern.
Kienu biss żewġ immigranti, Sudaniż ta’ tlieta u għoxrin sena u Eriterean ta’ tnejn u għoxrin sena li ġew akkużati li weġġgħu lill-Pulizija waqt din ir-rewwixta.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Martin Fenech talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jeanetta Grixti oġġezzjonat minħabba li jekk jingħataw il-ħelsien mill-arrest jerġgħu jagħmlu waħda agħar.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tagħhom jagħmluha diffiċli ħafna li jingħata l-ħelsien mill-arrest u dan ukoll minħabba l-fatt li jekk jerġgħu jmorru lejn iċ-ċentru ta’ detenzjoni se jkunu f’kuntatt dirett max-xhieda.
L-akkuzati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Intant b’rabta mal-istess rewwixta, Darren Bartolo ta’ tletin sena minn San Pawl il-Baħar ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Bartolo tressaq il-Qorti wara li allegatament spara waqt xogħlu spara lejn immigrant.
Id-Difiża mmexxija mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia ntqal kif ir-raġel spara minħabba li kien aggredit mill-immigrant. Intqal ukoll kif dan l-immigrant kien se jaqbeż biż-żona privata tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Janetta Grixti oġġezjonat din it-talba għall-ħelsin mill-arrest.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat b’diversi kundizzjonijiet, fosthom dik ta’ depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ għaxart’elef ewro, ma jistax juża arma oħra, filwaqt li jrid jiffirma fl-għassa tal-Qawra tlett ijiem fil-ġimgħa. Il-Qorti ordnat ukoll kif l-imputat ma jistax jersaq lejn iż-żona taċ-ċentru tad-detenzjoni.
Huwa wieġeb mhux ħati.