Qed tinħoloq middle class ġdida, b’soċjetà li miexja lejn livell t’għixien ogħla, u l-mobilità soċjali, biex naraw lil uliedna jkunu aħjar minnha.
Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’intervent qasir il-Ħadd filgħodu fuq ONE Radio.
Il-Prim Ministru nnota li minbarra l-inqas rata ta’ qgħad – inqas minn nofs dik fiż-Żona Ewro – qed ikun miġġieled il-faqar, bil-ħolqien t’20,000 impjieg ġdid, u t-tnaqqis ta’ 4,000 persuna li jaqilgħu inqas minn €10,000 ewro fis-sena, u żieda ta’ 5,000 persuna (jiġifieri madwar 14%) ta’ dawk li jaqilgħu bejn €20,000 u €30,000. Dik li Joseph Muscat sejjaħ middle class ġdida.
Dan minbarra ż-żieda f’dawk b’salarji ogħla.
Mhux ta’ b’xejn, tenna l-Prim Ministru, li stħarriġ juri kif 80% tal-maltija jemmnu li l-ekonomija sejra tajjeb. Nies li irrispettivament mit-twemmin politiku tagħhom, fil-kwiet ta’ darhom jemmnu li pajjiżna għaddej fid-direzzjoni t-tajba.
Il-Middle class ġdida, tenna l-Prim Ministru, qed tinbena wkoll għaliex naqsu b’madwar 40% l-persuni li jiddependu mis-servizzi soċjali għall-għixien tagħhom. Suċċess li però ma jinsiex lil min ġenwinament ma jistax jaħdem, sabiex dawn ikomplu jsibu l-għajnuna meħtieġha.
Muscat tenna li issa trid tkompli l-ħidma biex dawn is-suċċessi jirriflettu f’oqsma oħra: bħal dak tas-saħħa.
Ħidma konsistenti li wasslet biex, għal kuntrarju tal-ħsieb ta’ Simon Busuttil, li anke tal-grocer ikollu l-piżelli out of stock, pajjiżna ra’ saħansitra perjodu ta’ 6 xhur mingħajr mediċini out of stock.
Sforz li wassal għal investiment, li mingħajr ma nħareġ ċenteżmu minn but il-poplu, ġab is-servizz ta’ air ambulance bejn Għawdex u Malta. Sitwazzjoni fejn pazjent jista’ jinqeda iktar malajr, filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta – li qabel kienu jwettqu dan is-servizz – ikunu jistgħu ikomplu jiffukaw fuq is-sigurtà ta’ pajjiżna.
Ħidma wkoll biex fis-settur tal-enerġija fil-ġimgħat li ġejjin ikollna tanker tal-gass li jkompli fil-wegħda ta’ dan il-Gvern għal kontijiet orħos u arja iktar nadifa.
Tanker li se jkun sorġut sakemm jitlesta l-pipeline tal-gass li Gvernijiet Nazzjonalisti qatt ma lestew.
Muscat, wara kritika għax dieħel tanker kbir ħabba dan il-proġett, il-Partit Nazzjonalista f’dal-jiem ftaħar li daħal vapur kbir ieħor fil-Freeport. Vapur li saħansitra hu iktar mit-tanker tal-proġett tal-enerġija.
Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru bagħat l-awguri tiegħu lill-atleti Maltin li qed jirrapreżentaw lill-pajjiżna fl-Olimpjadi ta’ Rio.
https://youtu.be/H9J0-Bcs9jk