Meta kien qed jindirizza d-Delta Summit dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nnota kif il-blockchain se tkun qed tibdel il-mod kif titħaddem is-sistema tas-saħħa, u dan mhux biss f’pajjiżna imma mal-Ewropa u d-dinja kollha.
Imsejsa fuq viżjoni li Malta tkun blockchain island u fuq quddiem li tmexxi dan il-qasam, Fearne qal li l-iżjed ħaġa importanti f’dan ir-rigward fis-settur tas-saħħa, huwa li r-rekords mediċi tal-pazjenti se jkunu direttament tal-pazjenti.
Dan ifisser li b’differenza għas-sitwazzjoni llum – li meta pazjent imur għand tabib jew l-isptar, ir-rekords ikunu fil-files tal-isptar, bil-blockchain ikun hemm aċċess mill-pazjent innifsu u jkun jista’ jagħti l-informazzjoni lil kwalunkwe tabib jew sptar tal-għażla tiegħu.
Sitwazzjoni li se tfisser li jekk persuna ssiefer u tiġi bżonn tabib barra minn Malta, it-tobba fil-pajjiż inkwistjoni jkunu jistgħu jaċċessaw ir-rekords mediċi.
It-teknoloġija blockchain se tiffaċilita wkoll ir-riċerka fuq mediċini ġodda u għaldaqstant dan jirriżulta wkoll f’mediċini orħos.
Sistemi li fuq kollox mhux biss ikunu aħjar għall-pazjent, imma iżjed sostenibbli.
#Blockchain technology is revolutionizing #healthcare: empowering patients, verifying authenticity of medicines and allowing cross-institution continuity of care. #DeltaSummit #Malta pic.twitter.com/s4kxJgnF9A
— Chris Fearne (@chrisfearne) October 5, 2018