Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg insista li għamel sew li vvota kontra l-aħħar emendi fil-liġi tal-IVF u li għaddiet mill-Parlament f’Lulju li għadda.
Borg qal dan quddiem mistoqsijiet minn ONE News, hekk kif fil-Parlament kienu qed jiġi diskuss dan is-suġġett importanti.
“Rigward l-emendi, le dakinhar ħassejt u għadni nħoss kien punt ta’ prinċipju li vvutajna b’dak il-mod. Jiena bl-istess punt ta’ prinċipju għadni.”
Propju fl-istess jum, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li grazzi għall-emendi l-ġodda fil-liġi tal-IVF xprunati minn Gvern Laburista, u li jipprovdu għal aktar proċessi f’dan il-qasam, daqt jiġu mwielda 16-il tarbija oħra.
“Mill-isperm donation diġà kellna 7 trabi li twieldu, 7 ħajjiet ġodda, 7 familji u għandna 9 trabi fit-triq. B’kollox 16-il ħajja ġdida grazzi għal din l-emenda, waħda minn ħafna li daħħalna u li sibna l-Oppożizzjoni dakinhar kontriha.”
Alex Borg tal-Partit Nazzjonalista baqa’ jinsisti favur il-vot tiegħu kontra dawn l-emendi minkejja wkoll li b’dan il-pass, il-proċessi IUI tal-IVF, issa għandhom aktar ċans ta’ suċċess.
“Bl-isperm donation, ir-rata suċċess tal-IUI minn 2% titla’ għal 37%. Dan ifisser ħajjiet ġodda, trabi ġodda, ifisser familji ġodda. B’naqra emenda li daħħalna ifisser li għandna dawn il-ħajjiet kollha ġodda. Xi wħud li qegħdin hawnhekk f’din il-ħajja vvutaw kontriha.”
Borg ma kienx l-uniku persuna mill-Partit Nazzjonalista li fl-Lulju tal-2022, ivvota kontra dawn l-emendi importanti. Miegħu kien hemm l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.
Fil-fatt dakinhar, waqt li ttieħed il-vot dehret ċara l-qasma fil-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett.
Intant għal dan il-vot importanti ma attendewx mill-Partit Nazzjonalista, id-Deputati Carm Mifsud Bonnici, Jerome Caruana Cilia u Chris Said.