“Bikom warajna se nibqgħu nibnu futur aħjar għalikom u għal uliedkom.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista waqt id-diskors tiegħu fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Laburista f’Jum il-Ħaddiem fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt.
Ċelebrazzjonijiet bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ bħala parti mill-kampanja tal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Fil-messaġġ b’saħħtu li wassal il-Prim Ministru Robert Abela nnota d-differenza ċara bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
Dr Abela, beda billi rrimarka din id-differenza billi rrimarka kif anke fl-isfond taċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel ta’ Mejju, ħaddieħor kien kontra l-progress tal-ħaddiem.
“Dak il-forzi li l-bieraħ kienu kontra l-progress tagħkom, illum l-istess għadhom, kontra l-progress tagħkom. Għalihom iż-żmien li dan il-moviment tagħna jagħmel imexxi huwa zmien ta’ ċaħda mid-dritt divin li jemmnu ‘l ghandhom jew li jemmnu li għandhom li jiggvernaw lil dan il-pajjiż. Jemmnu li huma jafu kollox. Jemmnu li tagħhom biss tajjeb. Li għax il-poplu neħħilhom il-poter, dak għax il-poplu kien żbaljat, mhux għax żbaljaw huma. Smajnihom. Rajtuhom. Qalu li l-Partit Nazzjonalista għadu hawn. U li sentejn oħra jerġa’ jkun fil-Gvern.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif il-Partit Nazzjonalista permezz tal-eks Ministru tal-Finanzi kien qal li kellu raġun li xeħet il-piżijiet fuq in-nies. Iżda mhux biss.
“Tiftakru, meta kellna fost l-ogħla kontijiet tad-dawl fl-Ewropa. Il-qgħad mat-tmint’elef. U l-faqar – kienu jgħidulu perċezzjoni. Dak hu l-mudell ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista. Aħna ma’ wiċċna sibna pandemija, gwerer, xokkijiet tal-prezzijiet internazzjonali. U qatt ma tfajna piż wieħed li hu wiehed fuqkom. Għalhekk is-Saħħa lill-Ħaddiema! Għax lill-ħaddiem għennih, mhux għakkisnih.”
Għalhekk il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu fakkar kif l-affarijiet ma jistgħux jittieħdu for granted.
“Ma nistgħux nieħdu l-affarijiet for granted! Fil-ħajja biex tibqa’ miexi ‘l quddiem ma tistax tieqaf. Meta kontrik għandek il-forzi kollha tal-establishment kollu jaħdmu minn wara, qatt ma tista’ tieħu sogru. Mal-ewwel sinjal li l-moviment tagħna qed jitlef is-saħħa, tan-naħa l-oħra se jirduppjaw il-forzi kollha tagħhom biex ifixklu kemm jifilħu milli l-pajjiż jimxi ‘l quddiem.”
Hawn il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka anke d-differenza fl-attitudni taż-żewġ Partiti, bil-Partit Nazzjonalista jsir aktar arroganti u lest jagħmel minn kollox għad-disprament għall-poter. Iżda hawn Dr Abela, wassal messaġġ ċar.
“Taqgħux għall-provokazzjoni. Żommu l-kalma. Aħna nwieġbu b’mod sod, imma b’kalma u serenita’ kbira. Aħna nwieġbu billi ma nħalluhomx jerġgħu jaħkmu l-pajjiż u jagħmluh tagħhom biss. Sodi, iżda kalmi.”
Quddiem dan kollu l-Prim Ministru sostna li sakemm il-poplu jisilfu l-fiduċja se jibqa’ jaħdem biex iħares l-interess wiesgħa tal-pajjiż.
“Għamilna bidliet kbar. Tlaqt min idejja poteri li ebda Prim Ministru ma kellu kuraġġ jerħi. Irriformajna u saħħaħna d-demokrazija. Iżda, dak ma jfissirx li se nħalli lil min jipprova jiddistabilizza l-pajjiż. Jien għandi d-dover li nħares l-interess wiesgħa tal-pajjiż. U hekk se nibqa’ nagħmel fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Sakemm tibqgħu tisilfuni l-fiduċja b’saħħitha biex naħdem f’isimkom.”