Bqajt inħares b’għajnejja mberqin u b’ħalqi miftuħ qisni vopa maqbuda fl-aħħar nifs ta’ ħajjitha. Kont qiegħed quddiem id-dar ta’ Ċensina, dik ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel. Il-purtelli kienu miftuħin. Bejn koxxa tat-tieqa u oħra kienet dendlet festun b’daqs sitt bozoz bojod, naħseb dak li ddendel fil-festa. Fuq il-ħoġor tat-tieqa hames fliexken tal-plastik mimlija bl-ilma. Fuq kull flixkun waħħlet ritratt ta’ Konrad Mizzi, maqtugh bl-addoċċ mill-gazzetti.
Ċensina kienet hemm miksura fi tnejn, id-dublett miġmugh bejn kuxtejha marsusin flimkien. Saqajha kollha very close veins … emm vericose veins … jew verikowż vejnż (għax issa tfixkilt kif niktibha) u l-warrani ppuppat ‘l barra. Barmil u biċċa tal-art, taħsel u togħrok l-għatba.
Issa vera għandna l-espressjoni għajnejk fil-warrani, biex ma nghidiex bil-Malti pur, għax ikun hawn min jiskrupla, imma ma kontx naf li Ċensina kellha par hemmhekk ukoll.
“Se ddum tħares lejn patatti, Ajtjen?”
“Emm … bonġu Ċens. Hallejtni mbellaħ dalgħodu …”, weġibtha, hi u tiddritta u ddur lejja. “Imbellaħ?”, tkerħet Ċensina, “mela barra minn fuqna dort ma’ ta’ Sajmin int jew? Dawk kollha mbellħin u wara tlett snin għadhom ma jistgħux jemmnu li hemm Joseph fil-gvern u kif kulħadd qed jilqgħu b’idejh miftuħin, imur fejn imur fid-dinja!” Kien għad kellha l-biċċa tal-art f’idha u hi u tirraġuna u tiddjaloga b’idejha, berkitni waħda sew.
“U le Ċens, x’dort dort”, komplejt, jien u nfarfar it-titjir tal-ilma minn mal-flokk, “… imbellaħ b’dan it-tiżjin mat-tieqa”. Hekk kif staqsejt, qalbi qabżet taħbita. X’fettilli ma’ bqajtx sejjer għand tal-bażar u waqaft hemm iċċassat ala Sajmin quddiem id-dar ta’ Ċensina!
“Għax riedu jibilgħuh f’halqhom, ħa, la ħarġet!”, Ċensina saret vampa, hekk kif fakkartha u kellha terġa tgħaddi mill-esperjenza, “Mela jumejn ilu kont naqra mixħuta nisma’ l-ahbarijiet tal-wan. Kif qed ngħoxa nisma’ bl-investimenti fis-saħħa, Joseph tagħna jitkellem fir-Russja u jgħidulu li jridu jinvestu f’pajjiżna, l-qagħad dejjem nieżel u xogħol dejjem jikber, u mitt ħaġa oħra, ħabbat il-bieb. Kif ftaħt nara żewġ t’itfal imfarfrin. Talbuni xi haġa biex terġa tidħol id-demokrazija fil-pajjiz, ħej. Dħalt ġewwa u ħriġtilhom il-landa taż-żibel. X’kull waħda, għandi ġew iħabbtu! Għitilhom “tlabtuni l-iskart, mela ħuduħ ħa”. Ma ħallejthomx b’xejn ta, għax iċ-ċedoli qlajthomlhom mill-istonku. Bit-tfal inqdew ja vavi li huma, għadhom isoffu fil-bumbu, x’kull waħda u x’kull waħda!”
Mill-espressjoni li għamilt fuq wiċċi, naħseb li fehmet li kont għadni m’għamiltx wan plus wan.
“Allura tfajtilhom naqra ilma, dawl u l-Konrad fil-ħoġor tat-tieqa. Mhux huma telqu ‘l barra mill-parlament, b’Sajmin fuq quddiem isabbat saqajh u jnewwaħ, għax qalu li fejn ikun hemm Konrad ma jersqux? Vavi dak li huma. Mela jħalluni bi kwieti kif jarawh fit-tieqa. Ma jidħlux għandi. U ajma, kulħadd iħares ‘l quddiem u Sajmin hadhom seba’ mitt sena lura. Bojkott ħej! Qegħdin sew e! Ma felħux jisimgħu kif il-Lejber, minn ħaġa mħassra, qed iġib lil Malta tagħna fuq saqajha. Hekk mela!”
Ħallietni bla nifs.
Kif kont għadni qed nipprova ngħodd il-wieħed mal-wieħed u nġibhom tnejn, Ċensina fetħet ħanġra, “Police, Police … isma’ ħi”.
Dawwart rasi lejn il-lemin. Kien it-tifel ta’ Karmena, li toqgħod quddiem il-Knisja. Miskin inzerta kien nieżel mit-triq.
“Ejja ħa nkellmek naqra Ġorġ”, reġgħet fetħet it-trabokk ta’ taħt imneħirha Ċensina, hi u ssejjaħ lil Ġorġ b’idha.
Ġorġ resaq fil-viċin. Sellimli, bil-ħarsa t’għajnejh tfisser ħa nieħu paċenzja, ħa!
“Int kif qed tiġri fit-triq waħdek?” staqsietu Ċensina. “Mela ma tafx x’hawn fit-toroq int?” Ġorġ ma weġiebx, baqa’ biss bi tbissima fuq fommu. Allura kompliet Ċensina. “Isma minni u timxix waħdek għax tal-kumitat tal-Lejber qed jaħtfu l-pulizija, mqabbdin mill-gvern! Hekk qal Sajmin hi, li l-gvern qed jaħtaf il-korp!”
Ċensina faqqgħet daħka, hekk kif bdiet trodd is-salib u tgedwed waħidha hi u ddur lura biex tkompli taħsel l-għatba. Kull ma stajna nihfmu, jien u Ġorġ, kienu biss ftit kliem, fost il-faqqaturi tad-daħk u r-radd tas-slaleb … “iħoss moħħu” … “x’kull waħda” … “patri tfilju”… “vavati” … u … “fejn mar id-detol”.
Għand tal-bażar. Insomma bażar, kien iktar ħanut li jbiegħ kollox, għax li titolbu, ż-Żnaqq kien iġibulek minn ġewwa. Minn pitazz sa’ landa tonn taż-żejt, minn xugaman sa’ kartolina tal-berdej. Tgħidulix x’jismu propja, għax kulħadd iż-Żnaqq kien jafu. Skond Ċensina, l-laqam propjament kien iż-Zaqq, għax kellu żaqqu mdendla ‘l isfel sa’ tlett kwarti taż-żipp tal-kużakk. U ġieli ppruvat timmaġina kif kien jgħaddi l-ilma b’żaqq bħal dik. Imma dik storja għal darb’oħra.
Qed niftakar f’Toni, dak li ma jħallatx il-politika max-xogħol. Dak li Sajmin qed itaptaplu fuq dahru. Qed niftakar ukoll f’ħaddiema tal-gvern jagħmlu xogħol f’każin fil-ħin tax-xogħol. Imma naħseb li qed inħallat il-ħass, għax biex tkun karrotta trid tkun min-naħa tal-Lejber. Hux?
“Tnejn għal Sajmin”, qatgħali ħsibijieti Manwel. Iż-Żnaqq kien wara l-bank, bil-pali t’idejh iserrħu fuq ix-xifer tal-kawnter. Manwel kien daħal warajja, imma ma ntbaħtx. Ma kienx hemm nies għand tal-bażar, l-udjenza tiegħu kienet jiena biss.
“Ejja Lel”, dort fuqu biex naqta’ fil-qasir, għax issa kien qed isirlu l-ħin, “Aqlagħha…”
“Żewġ qlejbiet, Żnaqq, ħalli meta jerġa’ jitlaq ‘l barra mill-parlament ikollu ma xhiex jgħaddi l-ħin”, spara Manwel, u kompla, “Emminni b’dal-kummiedji tat-tfal, lanqas jekk iddehbni ma nimmaġinaħ imexxi l-pajjiż!”
“Lanqas jien e!” lissen iż-Żnaqq.
Lanqas jien.