Il-Ġimgħa filgħaxija ser tittella l-ħames edizzjoni tal-Bike Ride organizzat mill-Forzi Armati ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza.
Kollox se jibda għal ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija fil-Barracks ta’ Ħal Luqa, fejn hemm hekk jinġabru l-muturi kollha u jsir it-tberik tal-muturi kif jispjega l-Logutenent Nicholas Galea. Huwa spjega kif qabel tibda l-‘Bike Ride’ se jsir ‘Safety Brief’ sabiex l-attivita’ b’rotta ta’ madwar siegħa sad-Dar tal-Providenza tkun mingħajr perikli żejda.
Huwa spjega li kull parteċipant se jħallas €10 li tinkludi l-parteċipazzjoni bil-muturi, ‘Pasta Night’ fid-Dar tal-Providenza.
L-attività tal-Ġimgħa filgħaxija se jkollha żewġ għanijiet, dik li jinġabru flus għad-Dar tal-Providenza u li jkun hemm iżjed għarfien dwar is-sewqan fit-toroq. “Irridu nippromwovu daqsxejn iżjed sigurta’ fis-sewqan tal-muturi, u permezz ta’ ‘Safety Brief’ fil-bidu u żewġ kelmiet ta’ kif wieħed għandu jsuq waqt l-attivita’ u japplikahom għal kuljum tista’ sservi” tenna l-Logutenent Galea.
Id-dħul għal muturi se jkun mill-grada ewlenija tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati f’Ħal Luqa u jistgħu jattendu wkoll dawk li m’għandhomx muturi fejn huma mistiedna jmorru direttament id-Dar tal-Providenza fit-tmienja ta’ filgħaxija.