Festa pubblika ħafna jagħżlu li jqattgħuha jehdew f’xi ħaġa li ttihom serħan u mistrieħ.
Min jagħżel iqatta’ ftit ħin għall-kwiet mal-familja qalb il-ħdura, min imur jiekol ikla tajba u min isib ħin jehda f’xi passatemp li matul il-ġimgħa tax-xogħol forsi ftit isib ċans għalih.
Fost il-ħafna passatempi hemm dak tal-muturi. Passatemp li ħafna jqattgħuh fil-kumpanija ta’ xulxin hekk kif jinġabru għal xi mawra mat-toroq ta’ pajjiżna fi sfond ta’ temp mill-isbaħ.
Fil-fatt, fil-festa tal-Kunċizzjoni, il-Ġimgħa filgħodu aktar minn mitejn biker minn madwar pajjiżna ħatfu l-opportunità sabiex jinġabru flimkien u jterrqu t-toroq Maltin. Dan bħala parti mill-ONDROAD Charity Ride.
Quddiem il-kumpless ONE, inġabru għexieren ta’ muturi u s-sidien appasjonati tagħhom.
Tkellimna ma’ Pierre Borg l-organizzatur ta’ din ic-charity ride li spjega l-għan aħħari warajha.
Stqarr, “L-attività għal-lum hija biex niġbru fondu għall-annimali abbandunati. Min jagħti donazzjoni aħna se ngħinu lil min hu l-aktar fil-bżonn. Ovvjament aħna dejjem nagħtu vouchers u mediċina, qatt ma nagħtu flus imma ngħid grazzi kbira lill-bikers li l-konkorrenza hija qawwija ħafna, ilna ma nagħmluha snin kbar u din mhux se tkun tal-aħħar.”
Ma kienx jonqos ukoll li nitkellmu ma’ wħud mill-parteċipanti li għażlu jqattgħu din l-għodwa fil-kumpanija ta’ xulxin mdawrin b’muturi ta’ kull għamla u stil.
“Meta jkollna xi ħaġa hekk għal għan nobbli hu niltaqgħu u nippruvaw norganizzaw u nilbsu għall-okkażjoni u niġbru kemm jista’ jkun fondi bħal ma jagħmlu l-bikers dejjem kullimkien mad-dinja kollha.”
“Li tkun biker hija passjoni, issa li niltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd apparti r-ride normali li nagħmlu, il-ħaġa li nkunu qed ngħinu f’xi ħaġa jew f’xi għaqda filantropika jew f’dan il-każ tal lum għall-annimali abbandunati m’hawnx isbaħ minnha hux.”
“Bħala skull bikers Malta krejajnih bħala social motorcycle club. L-iskop warajh dan l-għan kien li ngħinu lil dawn l-għaqdiet filantropiċi u qegħdin nilħqu l-għan tagħna, anke aħna ġieli organizzajna taħt NGos. Bniedem bħal Pierre ma tistax ma tgħinux għax barra li joħodlok rasek biex tgħinu, bniedem li jiġbdek ħafna. Pierre huwa ħabib tiegħi kbir u allura kif iċempilli jew jgħidli isibni hemmhekk mill-ewwel ta’ quddiem, bil-klabb bi sħabi u bil-brothers miegħi.”
Attendiet ukoll għal din l-attività b’għan nobbli s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, fl-istess jum li ttellgħet ukoll Festa Annimali, bid-destinazzjoni finali tal-Bikers tkun il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
Dan l-avveniment ta l-opportunità wkoll sabiex min jattendi jagħmel pass kuraġġuż u jadotta annimal fosthom klieb u qtates li sfaw abbandunati u li bħalissa jinsabu f’għadd ta’ santwarji lokali.
Stqarret, “Nixtieq nirringrazzja lill-organizzatturi kollha fosthom anke ’l fuq minn 200 biker li ġew magħna llum sabiex anke jagħmlu fund raising. Aħna bħala Ministeru, bħala turija ta’ ringrazzjament se nkunu qed nirduppjaw is-somma biex propju ngħinu lill-NGOs u s-santwarji differenti li jieħdu ħsieb annimali abbundanti.