Il-Bijoloġista żagħżugħ Justin Cauchi qed jisħaq kif il-protezzjoni tal-ambjent tmur lil hinn mill-afforestazzjoni iżda teħtieġ proċess ta’ manteniment ta’ siti ekoloġikament importanti li pajjiżna diġà huwa mogħni bihom.
Filwaqt li Cauchi faħħar l-isforzi tal-Gvern sabiex ikomplu jiżdiedu s-siti ekoloġiċi u dawk miftuħa.
Qal kif madankollu bosta għadhom jaħsbu li l-ambjent jiddependi fuq l-ammont ta’ siġar li jkollna f’pajjiżna meta dan mhux minnu.
Qal, “Sfortunatament hawn misconception kbira li iktar m’għandna siġar, aktar aħjar, bijoġikament meta aħna nitkellmu fuq abitat, abitat mhux biss siġra mhux biss pjanta waħda iżda huwa sistema komplessa ta’ mhux għaxra, mhux mija iżda ta’ eluf ta’ speċi differenti. U dawn huma kollha speċi li għandhom relazzjonijiet flimkien.”
Cauchi stqarr kif proċessi ta’ afforestazzjoni jistgħu jieħdu post sekondarju għal proċessi ta’ manutenzjoni ta’ siti ekoloġiċi li diġà għandna u li l-ħsara tkun ħafna ikbar lill-ambjent jekk dawn jintilfu.
Huwa nnota madankollu kif in-nies għandhom irwol importanti sabiex dawn l-eko-sistemi jitgawdew mingħajr ma ssirilhom ħsara.
Spjega, “Li nżidu s-siġar iva hija importanti imma s-siġar ukoll huma xi ħaġa li nistgħu nżiduhom meta rridu. L-ekosistemi kruċjali u uniċi li għandna fil-gżejjer Maltin, l-għaram tar-ramel, ix-xagħri, l-eko-sistemi tal-baħar, dawk diġà qegħdin hemm u dawk jekk jintilfu nitilfuhom darba għal dejjem.”