Il-Big Friends Guggen Musik kull sena qed tkabbar il-pareċipazzjoni tagħha fil-karnival ta’ pajjiżna b’rappreżentazzjonijiet f’Malta u Għawdex.
Il-programm ta’ din is-sena jingħata bidu s-Sibt 2 ta’ Marzu meta fuq stedina tal-kumitat nazzjonali tal-Karnival ta’ Malta, fid-9.30 ta’ filgħodu jingħata bidu għall-Guggen Show li titlaq minn quddiem il-Parlament fil-belt Valletta u tispiċċa ħdejn il-Palazz Presidenzjali fejn tesegwixxi ż-żifna l-ġdida għall-karnival tat-tfal.
Wara l-Big Friends Guggen Musik titrasferixxi għal Triq it-Turisti (faċċata tal-Lukanda DB San Antonio) fil-Qawra fejn tagħti spettaklu karnivalesk.
Fl-istess jum, filgħaxija, il-Band titla’ Għawdex fuq stedina tal-kumitat tal-Karnival, li għalih hu responsabbli l-Ministeru għal Għawdex.
Hemmhekk il-Big Friends Guggen Musik tagħti show parade li tibda fi-6.00 pm. Din titlaq minn Triq it-Tiġrija sa Pjazza it-Tokk.
Il-Ħadd 3 ta’ Marzu, Ħadd il-Karnival, fl-10.00 ta’ filgħodu l-Band tagħti wirja fil-karnival tal-Ħamrun, organizzat mill-kumitat nazzjonali flimkien mal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità.
Fis-1.00 pm il-Band tipparteċipa fil-karnival tal-belt Valletta.
Il-Band tagħti show parade minn quddiem il-Parlament sal-Palazz Presidenzjali u lura sal-funtana tat-tritoni.
Filgħaxija terġa’ titla’ Għawdex fejn fil-5.30pm tagħti l-Guggen Show Parade minn triq it-Tiġrija sat-Tokk.
It-Tnejn u t-Tlieta 4 u 5 ta’ Marzu fl-10.00am tibda parata minn quddiem il-Palazz Presidenzjali.
Għal din il-parata flimkien mal-Big Friends Guggen Musik ikun hemm ukoll diversi kumpaniji oħrajn f’wirja organizzata mill-Kumitat Nazzjonali tal-Karnival.
It-Tlieta filgħaxija fis-6.00 il-Guggen Band ġiet mistiedna biex tagħmel show parade fil-karnival tal-Marsa, organizzat mill-Kunsill Lokali.
Wara fiċ-Ċentru Mużikali tal-istess Għaqda fil-Furjana tittella’ attivita’ għall-mużiċisti tal-Band.
Għall-Big Friends Guggen Musik din hi l-10 sena li qed tieħu sehem fil-karnival ta’ Malta u l-5 sena li qed tagħti s-sehem tagħha fil-Karnival ta’ Għawdex. Għalhekk għal din il-band din hi sena speċjali.
Il-Big Friends Guggen Musik ipparteċipat għall-ewwel darba fil-karnival fil-Marsa meta ħadet sehem fil-karnival organizzat mill-kumitat tal-festi esterni tal-parroċċa tal-Marsa u fejn kienet mistiedna ttella’ show parade.
F’dawn is-snin ukoll il-Big Friends Guggen Musik irrappreżentat diversi drabi lil pajjiżna barra minn xtutna.
Il-band telgħet darbtejn it-Tuneżija u fil-Greċja kif ukoll kienet tliet darbiet Sqallija sew għall-karnival tax-xitwa kif ukoll għal dak tal-fjuri.
Tul dawn is-snin il-Band żanznet erba’ unformijiet differenti, wettqet diversi arranġamenti mużikali kif ukoll għall-ewwel darba fl-istorja tal-mużiċisti Maltin introduċiet mużiċisti li mhux biss idoqqu iżda anke jiżfnu u jkantaw.